Filmat: “Fadal xi jsir dwar l-liġijiet għad-drittijiet tal-bniedem f’Malta”

Il-President Marie-Louise Coleiro Preca saħqet li filwaqt li Malta għandha liġijiet tajbin dwar id-drittijiet umani meta wieħed jarahom miktuba, fil-prattika għadt m’hemmx l-infrastruttura meħtieġa biex dawn il-liġijiet jiġu osservati u infurzati. Coleiro Preca kienet qed tindirizza konferenza tal-aħbarijiet li fiha telaq il-jott The Maiden biex b’hekk jibda bil-vjaġġ tiegħu madwar id-dinja.

Il-jott huwa ta’ The Maiden Factor, u l-ekwipaġġ magħmul minn ħames nisa qed idur id-dinja biex iqajjem għarfien favur l-edukazzjoni għan-nisa u l-bniet.

AQRA: Filmat: 5 nisa jduru d-dinja b’jott b’għan speċjali

Il-President spjegat kif hemm diversi liġijiet li jittrattaw id-drittijiet umani u semmiet l-edukazzjoni bħala eżempju. Hi nnuttat kif f’Malta minkejja li hemm ir-rieda politika mill-partiti, mhemmx rappreżentazzjoni tal-mara fil-politika.

Dwar l-inzjattiva ta’ The Maiden Factor saħqet li dan kien “il-mument it-tajjeb” għall-inzjattiva bħal din, u fakkret li kienu biss ftit ġimgħat qabel li ġie ccelebrat l-anniversarju ta’ meta twaqfet id-Dikjarazzjoni Universali għad-Drittijiet tal-Bniedem. Il-President tkelmet ukoll dwar diversi ostakoli li jsibu ma’ wiċċhom nisa u bniet madwar id-dinja, fosthom in-nuqqas ta’ aċċess għall-edukazzjoni f’pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw.

Kelliema għal The Maiden Factor saħqet li l-għan tal-organiżazzjoni kien li jippromovi l-edukazzjoni lit-tfajliet u jsaħħaħ in-nisa madwar id-dinja. Hi rringrazzjat lil kull min għinhom waqt il-waqfa tagħhom Malta u qalet li għadt jerġgħu jiġu lura.