Filmat: Facebook u Google jispjunaw fuqek: kif?

Wara li fil-ġimgħat li għaddew smajna dwar l-iskandlu ta' Cambridge Analytica, ħafna bdew jistaqsu dwar l-informazzjoni kollha li teżisti dwarhom u kif, ħafna draba mingħajr ma nindunaw, qegħdin ngħaddu din l-informazzjoni kollha dwar ħajjitna lil Google u Facebook. Maria Callus tkellmet dwar dan waqt il-programm Follow Up fuq RTK 103FM. 
1. Google jaf fejn mort
Jekk għandek il-‘location tracking’ mixgħul, Google ikun jaf kull fejn mort sa mill-ewwel ġurnata li bdejt tuża l-Google fuq il-mowbajl.
2. Google jaf kull ma fittixt, u anke dak li ħassart
Google jżomm is-‘search history’ fuq l-apparat elettroniku kollu: t-tablet, il-mowbajl u anke dak tal-laptop.
3. Google għandu profil tiegħek dettaljat, anke kemm taqla’ flus
Google jibni profil tiegħek għal skopijiet ta’ riklamar, b’informazzjoni bħal: fejn tgħix, il-ġeneru, l-età, passatempi, jekk intix miżżewweġ jew ġuvni jew xebba, possibbilment kemm tiżen, u anke kemm taqla’ paga bejn wieħed u ieħor.
4. Google jaf liema apps tuża
Google jaf kemm-il darba tidħol f’applikazzjonijiet bħal Facebook, fejn tużahom, u anke lil min tkellem fuq Facebook. Google jaf ukoll x’ħin torqod!
5. Google jaf dak kollu li rajt fuq YouTube
Google iżomm is- ‘search history’ kollha, allura jaf jekk hux se intix tippjana li jkollok it-tfal dalwaqt, liema politika tħaddan, jekk tbatix minn kundizzjonijiet ta’ saħħa fiżika, jew mentali.
6. Tant kemm Google jaf fuqek, jista’ jikteb diversi kotba dwarek
Jekk tniżżel id-data kollha li Google għandu fuqek, din tammonta għal Gigabites sħaħ ta’ informazzjoni li jinkludi: il-kalendarju ta’ avvenimenti li attendejt, l-imejls li bgħatt jew irċevejt, il-kuntatti, id-dokumenti minn ‘Google Drive’, il-filmati li rajt fuq YouTube, ir-ritratti li ħadt minn fuq il-mowbajl, u l-ħwienet li xtrajt mingħandhom, fost l-oħrajn.

L-informazzjoni kollha li Facebook jaf fuqek
1. Facebook għandu kull messaġġ li qatt bgħatt jew irċivejt
2. Facebook għandu kull dokument li qatt bgħatt jew irċevejt
3. Facebook għandu kull kuntatt li għandek fuq il-mowbajl
4. Facebook jafek sew  
Facebook għandu rendikont ta’ liema stejjer għamilt ‘like’ fuqhom, b’hekk qed jinbena profil tiegħek u x’jaħseb li jinteressak.
5. Facebook jaf fejn qiegħed
Facebook iżomm rendikont ta’ kemm-il darba dħalt fuq, fejn kont, fix ħin u minn liema tablet, smartphone jew mowbajl.