Filmat: F’Għawdex: Dar għall-omm u l-ulied vittmi tal-vjolenza domestika

F’Għawdex se tkun qed tinfetaħ l-ewwel dar li se tilqa’ fiha nisa vittmi ta’ vjolenza domestika. Newsbook.com.mt żar Dar Emmaus u tkellem ma’ Fr Michael Xuereb id-direttur tad-dar.
Fr Michael Xuereb spjega li s-servizz ta’ 24 siegħa se jkun offrut lill-familji Għawdxin u anke Maltin. Saħaq li l-għan ewlieni ta’ Dar Emmaus huwa li toffri għajnuna lil min verament ma jista’ jagħmel xejn.
Id-dar se tkun qed tilqa’ fiha 14-il persuna. Fr Michael spjega li barra n-nisa, Dar Emmaus se tkun qed tilqa’ wkoll lit-tfal tagħhom. Fisser kif meta omm tkun qed tbati minn vjolenza domestika, terġa’ lura d-dar minħabba t-tfal u għaldaqstant tliet kmamar huma kbar apposta biex jilqgħu l-omm u l-ulied.
Dar Emmaus hija waħda mill-proġetti tal-Fondazzjoni “Kenn u Tama.” Dwar proġetti għall-futur, Fr Michael qal li l-fondazzjoni tixtieq tiftaħ il-binja kollha kemm hi biex toffri aktar servizzi.
Id-direttur tad-dar irringrazja lill-Ministru tal-Familja u s-Solidarjetà Soċjali, Marie Louise Coleiro Preca, li tat ħafna għajnuna biex tinfetaħ id-dar.
Infatti nhar is-Sibt 5 t'April se tkun Marie Louise Colerio Preca, li l-għada li tieħu l-ġurament bħala l-President il-ġdid ta’ Malta, se tinawgura d-dar. Din se tkun l-ewwel darba li l-President il-ġdid se jżur Għawdex u l-ewwel impenn uffiċjali.
Min jixtieq l-għajnuna tal-Fondazzjoni Kenn u Tama jista’ jċempel fuq 21552390 jew jibgħat imejl fuq kennutama@gmail.com