​Filmat: €600 fix-xahar għall-wirdien u għamara mkissra

Filmat fuq il-paġna ta’ Facebook Malta & Gozo Like and Share juri tliet persuni jżuru post li kien għall-kiri, li apparti minn tliet kmamar tas-sodda kien joffri wkoll xi wirdien u għamara mkissra.
Fil-filmat is-sid tinstema’ tgħid li għal tliet persuni l-prezz kien se jkun ta’ €600 fix-xahar. Li kieku kienu familja l-prezz kien jinżel sa’ €550.
Il-persuni li ġibdu l-filmat sabu li xi għamara li kienet miksura. Dwar dan, is-sid tefgħet it-tort fuq f’xi “Niġerjani“ li allegatament kienu kissruha meta kienu joqgħodu hemm.
Il-filmat juri li fil-kċina t-tliet persuni sabu friġġ maħmuġa li saħansitra kellu wirdiena fih.
Il-mara tinstema’ fil-filmat tgħid kemm il-darba li għandha xi pjanijiet biex tirranġa l-post fil-futur.
Is-sid tal-paġna ta’ Facebook qal li jaħseb li l-Gvern għandu jkollu uffiċjali li jispezzjonaw il-postijiet li jkunu għall-kiri.
Il-maġġoranza tan-nies li kkummentaw taħt il-filmat qalu li kien serq li xi ħadd ikollu jħallas daqstant flus għal post bħal dak. Madanakollu, oħrajn qalu li min ma jridx jikri l-post b’dak il-prezz u f’dak l-istat jista’ jmur ifittex x’imkien ieħor.
Filmat: Malta & Gozo Like and Share