Filmat: Estradit lejn il-Polonja biex iservi sentenza b’rabta ma’ serq

Read in English.

Raġel ġie estradit lejn il-Polonja biex hemm iservi sentenza b’rabta ma’ serq li wettaq madwar 10 snin ilu.

Fi stqarrija kien spjegat li ċ-ċittadin Pollakk ta’ 28 sena ġie estradit minn Malta lejn il-Polonja sabiex iservi sentenzi ta’ reati b’rabta ma’ diversi serqiet li wettaq fil-Polonja bejn l-2010 u l-2011.

Il-Pollakk kien arrestat f’Birkirkara, nhar fis-27 ta’ Settembru, wara ġimgħat ta’ investigazzjonijiet. Malli sar magħruf li r-raġel qed jgħix Malta, il-Pulizija Maltija esegwew Mandat ta’ Arrest Ewropew maħruġ mill-Awtoritajiet tal-Polonja. Huwa kien imfittex f’diversi pajjiżi Ewropej.

Jumejn wara l-arrest tiegħu, fid-29 ta’ Settembru, ir-raġel tressaq quddiem il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace sabiex jibdew il-proċeduri ta’ estradizzjoni lejn il-Polonja. Huwa ta’ l-kunsens tiegħu sabiex jiġi estradit, bil-Qorti ordnat li jingħata f’idejn l-awtoritajiet Pollakki.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Mark Galea, mit-Taqsima tar-Relazzjonijiet Internazzjonali.

Filmat: CMRU