Filmat: Espert jgħid x’seta’ wassal għan-nirien tal-bendy buses

L-inċidenti fejn il-bendy buses tal-Arriva ħadu n-nar setgħu ġew ikkaġunati minn ħsara fis-sistema elettrika tal-vettura, fis-sistema tal-lubrikazzjoni, ħruġ mis-sistema tal-fjuwil fil-magna jew spray li seta’ tqiegħed mal-exhaust pipe.

Dan sostniet tekniku ewlieni tal-Kong Long fiċ-Ċina bi tweġiba għall-mistoqsijiet li sarulu minn Newsbook.com.mt.

Sadanittant, mistoqsijiet oħra ntbagħtu lil Mercedes, id-ditta tal-flotta tal-bendy buses f’Malta.

It-tekniku tal-King Long, id-ditta tal-kumplament tal-karozzi tal-linja, sostna ma’ Newsbook.com.mt li huwa diffiċli li bendy bus tieħu n-nar għaliex tisħon bit-temperaturi għoljin.

Jeskludi wkoll li n-nirien setgħu seħħew minħabba problemi fl-arja kundizzjonata jew fil-mekkanizmu tat-termostat, li jirregola t-temperatura tal-magna.

Il-bendy buses tal-Arriva li tneħħew mit-toroq huma l-istess li kienu qed jipprovdu servizz f’Londra.

Newsbook.com.mt għamel ukoll kuntatt mal-uffiċċju tas-Sindku ta’ Londra, Boris Johnson.

Kelliem għas-Sindku Ingliż stqarr li 130 bendy buses kienu tneħħew mit-toroq wara li nirien żviluppaw fi tlieta minnhom.

Ma’ Newsbook.com.mt, l-uffiċċju ta’ Boris Johnson sostna li mill-inkjesta li kienet saret jirriżulta li n-nirien seħħew minħabba problemi fil-pajpijiet tal-magna.

Il-bendy buses f’Londra kienu tneħħew mis-Sindku Boris Johnson biex posthom ħaduh mudelli ġodda tad-double deckers.