Filmat: “Erba’ snin ilu tlifna parti kbira minn ħajjitna, lil Jessica”

Ħabiba kbira tal-familja ta’ Jessica Tabone, li tilfet ħajjitha f’inċident fatali f’Għawdex, sostniet li erba’ snin ilu tilfu parti kbira minn ħajjithom fi Triq ix-Xlendi.

F’messaġġ fuq il-grupp ta’ Facebook Gozone, Toni Ann Muscat sostniet li l-messaġġ tagħha għal dan il-jum huwa biex ħadd ma jsuq taħt l-effett tal-alkoħol, filwaqt li jirrispettaw il-limitu tal-veloċità. Sostniet li żball ta’ darba jista’ jirrovina l-ħajja ta’ ħaddieħor.

Jessica Tabone mietet erba’ snin ilu f’inċident fatali meta kienet passiġġiera f’karozza ta’ ħabib tagħha. L-inċident li kien seħħ fid-19 ta’ April tal-2015 wassal għal ħabta head-on kmieni filgħodu fi Xlendi Road. L-inċident seħħ wara li karozza kienet qed tiġi misjuqa fil-karreġjata l-ħazina minn żagħżugħ ta’ 20 sena mill-Għasri, ħabtet mal-karozza li fiha kienet passiġġiera Tabone. Skont rapporti li kienu żaru fl-istess żmien, iż-żagħżugħ li kien ikkawża dan l-inċident kien għadu jiggradwa bħala uffiċjal tal-Pulizija. Skont sorsi ta’ The Malta Independent, hu kien tkeċċa immedjatament wara l-inċident.

Muscat tenniet li filwaqt li l-awtoritajiet tal-pajjiż qed jiddiskutu dwar iż-żieda ta’ tunnel, li jitwessgħu t-toroq u li tikber il-popolazzjoni tal-pajjiż, mhux qed jissieltu sabiex jirranġaw il-problemi eżistenti bit-toroq tagħna. Sostniet li mhux Jessica biss għandha tibqa’ tiġi mfakkra imma dawk kollha li tilfu ħajjithom b’mod traġiku fit-toroq Maltin.

Grupp fil-memorja ta’ Jessica jissielet għal toroq siguri

Intant, sena wara l-mewt tat-tfajla ġie stabbilit il-grupp Justice to Ensure Safer Streets – J.E.S.S. Dan sar bil-għan li l-pubbliku jiġi edukat dwar l-importanza tas-siġurtà fit-toroq filwaqt li jissielet sabiex il-liġijiet ikunu aktar f’saħħithom. Filwaqt li qabel dan il-grupp kien magħruf bħala Organizzazzjoni Volontarja, id-drittijiet tiegħu kienu ngħataw lill-għaqda tat-Tobba għal Toroq Siguri.

Lura fl-2017, l-għaqda kienet tat żewġ settijiet ta’ breathalyzers lill-Pulizija Għawdxija. Qabel din id-donazzjoni l-Pulizija f’Għawdex kellha biss wieħed.

Aqra: Il-breathalysers f’Għawdex ‘jitfarfru mit-trab’ darba f’xahar

Meta Newsbook.com.mt kien staqsa lill-Pulizija f’Għawdex kemm-il darba intużaw il-breathalyzers fit-toroq Għawdxin fl-2018, ħareġ li bejn Jannar u Mejju tal-2018 kien hemm 23 roadblock, li fihom 20 persuna nstabu li kienu qed jiksru l-liġi. Il-breathalyżers intużaw sitt darbiet.