Filmat: “Embrijuni ffriżati jistgħu jintbagħtu barra minn Malta għall-addozzjoni” – Fearne

L-Awtorità għall-Protezzjoni tal-Embrijuni (EPA) tista’ tevalwa l-possibiltà li tibgħat barra mill-pajjiż embrijuni ffriżati li ma jkunux ġew addottati f’Malta, biex jiġu addottati hemmhekk.
Dan qalu l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne lil Newsbook.com.mt, dwar x’miżuri se jittieħdu jekk it-talba għall-addozzjoni tal-embrijuni tkun inqas mill-għadd ta’ embrijuni ffriżati.
Il-possibiltà li jkun hemm embrijuni ffriżati se tidħol fis-seħħ b’rabta mal-possibiltà tal-IVF, wara emendi fl-Att dwar il-Protezzjoni tal-Embrijun, imressqa fil-Parlament mill-Ministru Fearne jumejn ilu.
Skont dawn l-emendi, wara ċiklu tal-IVF l-embrijuni mhux użati se jiġu ffriżati biss jekk il-persuna taċċetta li dawn jingħataw għall-addozzjoni.
Jekk persuna ma taċċettax din il-kundizzjoni, ma tingħatax iċ-ċans li jiġu ffriżati aktar minn 2 embrijuni.
Dawn il-miżuri ttieħdu sabiex jitnaqqas ir-risku li jinġemgħu ammont ta’ embrijuni li jibqgħu ffriżati għal dejjem.
Fil-fatt fl-ewwel ċiklu tal-IVF jistgħu jiġu ffertilizzati sa 3 bajdiet, li jekk jieġdu jkollok 3 embrijuni li 2 minnhom jipu impjantati fil-mara u l-ieħor iffriżat.
Jista’ jkollok 2 embrijuni li jiġu ffriżati għax ma jintużawx, imma aktar minn 3 embrijuni ffriżati ma jistax ikun hemm minn ċiklu wieħed tal-IVF.
Barra minn hekk il-Ministru Fearne qal lil Newsbook.com.mt li l-Gvern se jkun qed iħeġġeġ li koppja li tkun iffriżat embrijuni fil-passat, terġa’ tuża l-istess embrijuni li tkun ikkreat jekk tagħmel ċiklu ieħor tal-IVF.
Koppji bħal dawn jingħataw aktar minn 3 ċikli ta’ IVF ċans, sabiex jużaw l-embrijuni ffriżati tagħhom stess.
Fearne temm jgħid li l-Gvern kommess dwar l-iżvilupp sħiħ tal-embrijun, u għalhekk se jagħmel ħiltu biex l-embrijuni ma jdumux iffriżati.
Sadanittant, Newsbook.com.mt ikkuntattja lill-Awtorità għall-Protezzjoni tal-Embrijun, li qalet li se tikkunsidra l-pożizzjoni tagħha ladarba l-emendi jgħaddu mill-Parlament.