Filmat: Eksspija Russa jiġġieled għal ħajtu minħabba intossikazzjoni

Anzjan ta’ 66 sena li hu f'qagħda serjissima minħabba li ġie espost għal sustanzi li għadhom mhux magħrufa f’Wiltshire, ir-Renju Unit, hu mifhum li kien spija għall-Brittaniċi jgħix fil-pajjiż.
Sergei Skripal instab nhar il-Ħadd li għadda mitluf minn sensih ma’ mara oħra ta’ 33 sena fi stabbilment tax-xiri.
Ir-raġel kien ingħata refuġju fir-Renju Unit fl-2010, wara li kien hemm qbil biex l-Istati Uniti u r-Russja jieħdu spija bi spija minn ta’ xulxin.
Dakinhar hu u tliet ħabsin oħra kienu nħelsu minn ħabs fir-Russja, u l-Istati Uniti ħelset 10 ħabsin spiji Amerikani.
Skripal kien uffiċjal irtirat tal-intelliġenza militari Russa, u fl-2006 kien ikkundannat minn pajjiżu għal 13-il sena ħabs meta nqabad li kien qed jaħdem għall-Ingliżi.
Kien jgħaddi informazzjoni lis-Servizz tal-Intelliġenza Sigrieta Brittanika, l-M16, dwar l-identità ta’ aġenti tal-intelliġenza Russa li kienu jkunu qed jaħdmu pajżana.
L-awtoritajiet Russi kienu qalu li Skripal kien tħallas mal-$100,000 għal din l-informazzjoni, li kien ilu jwassal bil-moħbi lir-Renju Unit mill-1990.
Sadanittant, ir-ristorant fejn hu u l-mara nstabu mitlufin minn sensihom ingħalaq, iżda d-dipartiment tas-saħħa avża li m’hemmx periklu għall-oħrajn.
Il-Pulizija qalet li mhux tqis il-każ bħala wieħed relatat mat-terroriżmu, iżda qed iżommu għajnejhom miftuħin għal kull eventwalità.