Filmat: Eks plejer ta’ Napoli fi żmien Maradona jitkellem dwar Maradona f’Replay

Fl-aħħar jiem, l-istazzjonijiet televiżivi ewlenin fid-dinja, partikolarment dawk sportivi, iddedikaw ħafna mill-ħin tagħhom biex iselmu l-memorja tal-leġġenda tal-futbol internazzjonali, Diego Armando Maradona li miet nhar l-Erbgħa li għadda. Ma setgħax jonqos li l-istazzjonijiet il-kbar u li huma segwiti minn miljuni ta’ nies, ma jkollhomx diskussjonijiet bil-parteċipazzjoni ta’ individwi magħrufa, mill-passat tal-futbol internazzjonali u li kellhom esperjenzi diretti mal-eks plejer internazzjonali Arġentin.

Anke f’Malta, il-programmi sportivi fuq l-istazzjonijiet televiżivi selmu l-memorja ta’ Maradona, b’filmati mill-karriera sabiħa ta’ ‘El Pibe de Oro’ u b’diskussjoni fuq livell lokali, skont kif jiftakruħ il-Maltin li kienu jsegwuħ fuq it-televiżjoni meta kien jilgħab. Madankollu l-programm dwar il-futbol lokali ta’ nhar ta’ Ħadd filgħaxija, Replay fuq Net Television, ilbieraħ issorprenda lill-udjenza tiegħu, meta sellem u fakkar il-memorja ta’ dan il-plejer b’diskussjoni bis-sehem dirett ta’ żewġ eks plejers li lagħbu miegħu, fl-istess tim kif ukoll kontra tiegħu, f’żminijiet differenti tal-karriera ta’ Maradona.

Veru każ li t-tmexxija ta’ Replay kompliet tagħti prova tal-professjonalità u l-organiżazzjoni li jitmexxew il-programmi Replay fuq Net Television. F’ġimgħa fejn id-dinja kollha qed tiddiskuti il-ħajja u l-karriera kalċistika ta’ dan il-plejer, Replay ħadet id-diskussjoni f’livell għoli u superjuri bil-parteċipazzjoni ta’ żewġ personalitajiet internazzjonali li kellhom esperjenzi u relazzjoni diretta ma’ Maradona.

Waqt din id-diskussjoni, il-preżentatur tal-programmi Replay, Christian Micallef tkellem b’kollegament awdjo-viżwali u dirett mal-eks plejers Simone Giacchetta u Sergio Soldano. Giacchetta għal staġun ma’ Napoli, fl-istess tim ta’ Maradona, fl-istaġun 1988/89, meta Napoli ta’ Maradona kienu temmew fit-tieni post fis-Serie A, finalisti telliefa tal-Coppa Italia iżda rebħu l-Coppa UEFA. Ta’ 19-il sena, Giacchetta kien idebutta fis-Serie A, fl-istess tim ta’ Maradona u fl-ewwel partita tiegħu, kien skorja l-gowl tar-rebħa kontra Atalanta. Giacchetta, li f’Replay tkellem dwar l-esperjenzi tiegħu ma’ Maradona speċjalment dawk li għex miegħu fid-dressing room, kien issieħeb lil Napoli fis-sajf tal-1988 mingħand Civitanovese, bl-għan speċifiku li jservi ta’ riserva għal tliet plejers partikolari; Andrea Carnevale, Maradona u Careca.

Fil-każ ta’ Soldano, dan jaf lil Maradona minn qabel Giacchetta anke għaliex għandu l-istess età bl-eżatt, 60 bħal Maradona. Soldano hu Arġentin, u riċentament kien parti miċ-Ċentru Tekniku tal-MFA, fejn serva bħala kowċ tat-tim nazzjonali Malti ta’ taħt is-17-il sena. Soldano għex esperjenzi uniċi ma’ Maradona, kemm bħala plejer li lagħab kontra tiegħu fil-bidu nett tal-karriera tiegħu fl-Arġentina, iżda ukoll kien wieħed mill-plejers fl-iswadra selettiva tat-tim nazzjonali Arġentina, lejn l-aħħar tas-snin 70, u li kien hemm fiha Maradona.

Id-diskussjoni simultanja ma’ dawn iż-żewġ eks plejers, li iżda llum għadhom involuti fil-futbol fuq livell amministrattiv, kienet waħda mill-aktar interessanti u segwita b’interess mill-pubbliku sportiv Malti. Fil-każ ta’ Giachetta, illum hu d-Direttore Sportivo tal-klabb fil-Lega Pro fl-Italja, Albinoleffe filwaqt li Soldano jaħdem internazzjonalment fil-livell tal-grassroots.

Sabiex issegwi din il-parti tad-diskussjoni li xxandret f’Replay tal-bieraħ filgħaxija, u li tmexxiet bit-Taljan peress li ż-żewġ mistiedna speċjali jitkelmu aħjar b’din il-lingwa, ara dan il-link t’hawn taħt:

Żewġ eks plejers li lagħbu ma’ u kontra Maradona jitkelmu f’Replay

Fl-istess ġimgħa li tħabbret il-mewt tal-leġġenda tal-futbol internazzjonali, Diego Armando Maradona, il-programmi Replay fuq Net Television ħejjew servizzi u intervisti speċjali, b’kontenut oriġinali u maħdum mit-tim tal-produzzjoni tal-programm. F’Replay tal-bieraħ il-Ħadd, parti mid-diskussjoni kienet iddedikata biex isellem il-memorja ta’ dan l-eks plejer internazzjonali Arġentin, bid-differenza li t-tmexxija ta’ Replay, ħadet din id-diskussjoni għall-għola livell possibli permezz tal-kuntatti internazzjonali li għandu l-programm.Waqt din id-diskussjoni, Christian Micallef tkellem b’kollegament awdjo-viżwali u dirett ma’ żewġ eks plejers li lagħbu ma’ Maradona, f’żminijiet differenti mill-karriera ta’ din l-ikona kalċistika, u għandhom esperjenzi differenti minn ta’ xulxin. Wieħed miż-żewġ mistiedna kienu l-eks plejer ta’ Napoli, fl-istaġun 1988/89, Simone Giachetta. Ta’ 19-il sena, Giachetta kien idebutta fis-Serie A, fl-istess tim ta’ Maradona u fl-ewwel partita tiegħu kien skorja l-gowl tar-rebħa kontra Atalanta. Giachetta tkellem f’Replay dwar l-esperjenza tiegħu ma’ Maradona.It-tieni mistieden kien l-eks kowċ fiċ-Ċentru Tekniku tal-MFA, l-Arġentin Sergio Soldano. Dan tal-aħħar kien lagħab kontra ma’ Maradona meta t-tnejn kienu għadhom żgħar u eventwalment kienu tħarġu fl-istess tim, bħala parti minn selezzjoni tat-tim nazzjonali Arġentin, lura lejn l-aħħar tas-snin 70.

Posted by Replay (Net Television) on Monday, November 30, 2020

Dan it-tagħrif twassal mit-tim ta’ Replay.