Filmat: ‘Ekonomija li taħdem għan-nies:’ il-PN joħroġ dokument ta’ qabel il-baġit

Read in English.

Tnedija tal-Pre Budget Document tal-Partit Nazzjonalista

Tnedija tal-Pre Budget Document tal-Partit Nazzjonalista. Tista' taċċessa d-dokument minn hawn: https://bit.ly/3docz3H

Posted by Partit Nazzjonalista on Friday, October 9, 2020

Il-Partit Nazzjonalista saħaq fuq il-bżonn li tinbena ekonomija li taħdem għan-nies hekk kif nieda d-dokument ta’ qabel il-baġit tiegħu nhar il-Ġimgħa.

Id-dokument ġie ppreżentat f’konferenza għall-aħbarijiet indirizzata mill-kap il-ġdid tal-PN Bernard Grech u mill-kelliem għall-finanzi Mario de Marco.

Tibdil ta’ mudell mhux sostenibbli

Grech spjega li d-dokument qiegħed joffri viżjoni ġdida għall-ekonomija Maltija, u żied li l-PN jemmen li l-ekonomija għandha taħdem għan-nies – u mhux bil-maqlub. Hu nsista li gvern Laburista ħadem fuq mudell mhux sostenibbli, li jinkludi l-bejgħ tal-passaporti kif ukoll żieda qawwija fil-popolazzjoni.

Il-kap il-ġdid tal-PN żied ukoll li l-mudell ekonomiku Malti qiegħed taħt theddid minħabba l-ħsara reputazzjonali miġjuba mill-gvern preżenti.

Hu fakkar li l-Baġit li ġej mhux se jkun wieħed ordinarju, mhux biss minħabba l-pandemija tal-Covid-19, imma anke għax joffri opportunità li Malta tieħu direzzjoni ġdida.

Opportunità ekonomika

De Marco ukoll għamel referenza għall-pandemija, u qal li l-ekonomija ta’ pajjiżi bħal Malta mhux mistennija tirkupra sa 2-3 snin oħra. B’hekk, żied jgħid, il-pandemija tagħti l-opportunità li jew tirfina s-strateġija ekonomika preżenti jew tfassal oħra.

Fid-dokument, il-PN jitkellem ukoll fuq il-Moneyval, u jinkludi proposti bil-għan li Malta tevita greylisting.

De Marco spjega li l-partit qed jibbaża l-viżjoni ekonomika tiegħu fuq ħames fatturi:

  • Diversifikazzjoni u trasformazzjoni
  • Diġitalizzazzjoni
  • Edukazzjoni
  • Tiġdid ekoloġiku
  • Tmexxija bħala governanza

Il-proposti tal-partit jinkludu:

  • Wage supplement estiż lis-setturi ekonomiċi kollha, mill-anqas sa’ Marzu li ġej
  • Tingħata l-opportunità ta’ akkwist pubbliku buy-in lill-kumpaniji
  • Sett ieħor ta’ vouchers
  • Moratorju fuq is-self
  • Tnaqqis tal-VAT għal setturi speċifiċi
  • VAT returns imqassma fuq 3 pagamenti minflok 4, biex tgħin il-cashflow
  • Tnaqqis fil-kontijiet tad-dawl u tal-ilma
  • Skemi ta’ retraining għal-ħaddiema
  • Tnaqqis ta’ taxxa lis-sidien tal-kera
  • Kreditu ta’ taxxa fuq l-investiment għas-sentejn li ġejjin għas-settur tal-manufattura
  • Eżenzjoni mill-VAT għall-investment fuq riċerka u żvilupp
  • Xogħol biex jerġgħu jinbnew rabtiet ma’ banek korrispondenti

Dokument ‘ta’ min mhux kburi b’pajjiżu’ – PL

Fir-reazzjoni tiegħu għad-dokument, il-Partit Laburista insista li dan kien riflessjoni ta’ kemm il-Partit Nazzjonalista ħatar kap li m’huwiex kburi b’pajjiżu, u li “diġà ddakkar mill-attitudni partiġġjana u distruttiva tal-aħħar snin.”

Il-PL insista li l-PN ma jistax ikun fdat biex imexxi l-ekonomija ‘l quddiem,  u li l-ftit ideat li tkellem fuqhom kienu ripetizzjoni tal-inizzjattivi tal-gvern.