Filmat: Ejjew nagħmluh Milied speċjali billi niskopru s-sbuħija tal-familja – L-Isqof Teuma

Read in English.

L-Isqof t’Għawdex Anton Teuma appella biex dan il-Milied ikun wieħed speċjali li fih nerġgħu niskopru s-sbuħija tal-familji tagħna.

Fil-messaġġ tiegħu għal dan il-Milied, l-ewwel messaġġ tal-Milied bħala Isqof t’Għawdex, Mons. Teuma semma kif il-Covid-19 tella’ fil-wiċċ id-dgħufija tagħna lkoll, iżda fl-istess waqt, għenna niskopru s-sabiħ li għandna.

Dwar id-dgħufijiet, Mons. Teuma spjega kif mikrobu li ma jidhirx irnexxielu jħarbtilna ħajjitna – billi begħidna minn xulxin fiżikament, ċaħħadna mis-safar u mill-anzjani, madankollu, huwa elenka punti pożittivi li ħarġu mill-pandemija wkoll.

Veru ma nistgħux noħorġu niddevertu, qal Mons. Teuma, imma nistgħu norganizzaw l-ikliet tal-familja aħjar. Veru ma nistgħux ngħannqu lil ħbiebna, imma għandna ċ-ċans ngħannqu aħjar lill-familja. Minflok insiefru, din is-sena kellna ċ-ċans inqattgħu aktar ħin id-dar mal-familja.

Kellha tkun propju l-pandemija, fisser l-Isqof, li tatna ċ-ċans niskopru lil xulxin mill-ġdid. Fil-każ tal-istudenti Għawdxin li jistudjaw Malta jew l-Għawdxin li jiġu jaħdmu Malta, din is-sena kellhom l-opportunità jiskopru mill-ġdid il-kura tal-ġenituri u ta’ ħuthom, billi kienu qegħdin jaħdmu mid-dar.

Huwa enfasizza s-sbuħija tal-familja, u qal li dan il-Milied għandu jkun wieħed speċjali għax iċ-ċentru tiegħu għandha tkun il-familja. Fl-istess waqt, l-Isqof sostna li ma nistgħux ninsew lil dawk li qegħdin ibatu, dawk li jinsabu fil-bżonn, dawk barranin jew emarġinati, għaliex huma jinsabu fiċ-ċentru tal-misteru tal-Milied. Fi kliem Mons. Teuma, dak li nagħmlu ma’ dawn in-nies, inkunu qegħdin nagħmluh ma’ Ġesù.

L-Isqof kompla l-messaġġ tiegħu b’appell għal kull persuna fil-familja: lill-ġenituri qalilhom jieħdu lil uliedhom ħdejn il-presepju u jagħtuhom bewsa ħa jħossu li Alla jħobbhom, filwaqt li liż-żgħażagħ irrakkomandalhom li jagħtuhom taptipa fuq spallejhom biex jagħtuhom kuraġġ, u biex jgħinuhom jagħrfu li Alla għandu fiduċja fihom. Qalilhom biex lill-anzjani jieħdu ħsiebhom – dawk li joqogħdu magħhom iżiegħlu bihom, jisimgħuhom u jitolbu magħhom, u dawk fid-djar tal-anzjani jċemplulhom sikwit biex ma jħalluhomx waħedhom.

Lill-miżżewġin, l-Isqof qalilhom biex iħobbu lil xulxin tassew u jħallu lil Alla jħobb lill-persuna l-oħra permezz tagħhom, filwaqt li lil dawk għaddejjin minn separazzjoni, talabhom iħallu l-piki u l-kunflitti warajhom, u jgħixu Milied fil-kwiet, għall-ġid tal-familji tagħhom.

Int se tqatta’ l-Milied mal-familja?

Ikkummenta hawn taħt jew ibagħtilna fuq info@newsbook.com.mt.