Filmat: Edward Scicluna jgħid li hemm bażi tajba għal ftehim mal-Greċja

Il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna qal waqt intervista mal-istazzjon televiżiv CNN, li hemm bażi tajba sabiex jintlaħaq ftehim mal-Gvern Grieg biex l-ekonomija Griega ma tfallix.
Qal ukoll li kulħadd jinsab kunfidenti li dan il-ftehim jintlaħaq sa tmiem il-ġimgħa.
Il-Ministru Scicluna qal li t-tliet istituzzjonijiet ewlenin li jinsabu f’taħdidiet mal-Greċja enfasizzaw li l-proposti mressqa huma pass fid-direzzjoni t-tajba.
Il-Ministru Edward Scicluna qal li l-proposti Griegi huma iżjed inklinati lejn il-lat fiskali milli tar-riforma.
Qal li d-dokument bil-proposti Griegi ma wasalx fil-ħin biex issir evalwazzjoni teknika mill-Bank Ċentrali Ewropew, il-Fond Monetarju Internazzjonali u l-Kummissjoni Ewropea qabel il-laqgħa straordinarja tal-Kunsill Ewropew u l-laqgħa tal-grupp tal-ewro.
Fi tmiem il-Kunsill Ewropew, il-Prim Ministru Joseph Muscat ukoll kien kunfident li jintlaħaq qbil mal-Greċja.