Filmat: Eddie Fenech Adami jingħata unur f’Washington

Il-President Emeritu u l-Eks Prim Ministru ta’ Malta, Edward Fenech Adami li għandu 85 sena rebaħ il-premju Caritas in Veritate f’serata li saret f’Washington. Sfortunatament minħabba raġunijiet ta’ saħħa hu ma setax jattendi għal din is-serata u għalhekk attenda f’ismu ibnu, Beppe Fenech Adami.

Il-bierah gewwa Washington ircevejt ghan nom tal papa’ tieghi il-‘Caritas in Veritate’ Papal Award. Dan huwa id-diskors ta’ ringrazzjament li ghamilt

Posted by Beppe Fenech Adami on Sunday, October 27, 2019

Waqt li aċċetta l-unur f’isem missieru, Beppe qal li jemmen li missieru wasal s’hawn grazzi għad-determinazzjoni tiegħu biex ma jabbandunax u ma jagħtix il-ġenb lit-twemmin Kattoliku tul ħajtu. Hu qal li pprattika dan sa mill-iċken ħaġa bħalma hi li jmur il-quddies kuljum, sal-akbar ħaġa li kienet li jdaħħal lil Malta fl-Unjoni Ewropea.

Hu qal li missieru ħaddan l-iżviluppi li saru fid-Dinja għat-tfittxija tas-solidarjetà u l-libertà – li huma valuri Kattoliċi. Stqarr li missieru fittex li dejjem juża d-djalogar bħala għodda politika u mhux l-ikkonfrontar. Qal li fittex li jkun hemm ir-rikonċiljazzjoni f’mumenti fejn kien hemm firda kbira fil-pajjiż.

Spjega kif missieru għożż il-valuri tal-verità u tal-ġustizzja, u li dejjem emmen li s-sewwa jirbaħ żgur. Kompla billi qal li missieru dejjem emmen li l-ħajja tibda mill-konċepiment tat-tarbija u emmen ukoll fil-ġid komuni. Fi tmiem id-diskors hu qal li dawn huma l-valuri Kattoliċi li missieru ħaddan minn dejjem.