Filmat: “Ebda partit ma jista’ jmur għal elezzjoni b’Kap sfiduċjat” – Mifsud Bonnici

L-avukat Paula Mifsud Bonnici stqarret li ebda partit ma jista’ jmur għal elezzjoni b’Kap tal-Partit li jkun ġie sfiduċjat mill-Grupp Parlamentari u mill-Eżekuttiv. Hija kienet qed tiġi intervistata dwar is-sitwazzjoni prekarja tal-Partit Nazzjonalista mill-preżentatur tal-programm Newsbook Hour Jes Saliba.

Paula Mifsud Bonnici kienet il-President tal-Kunsill Ġenerali tal-PN sal-2013, fiż-żmien li d-deputat Nazzjonalista ta’ dak iż-żmien Franco Debono kien mar kontra l-Prim Ministru Lawrence Gonzi. Hija spjegat li fiċ-ċirkostanza, Lawrence Gonzi kien ħass li għandu jiftaħ l-elezzjoni għal Kap ġdid tal-PN peress li kien hemm deputat wieħed li astjena fil-vot dwar il-baġit. Hija saħqet li flok ma mar għal konferma jew vot ta’ fiduċja, huwa fetaħ il-kontestazzjoni għal ħatra ta’ Kap ġdid.

Dwar il-vot ta’ sfiduċja f’Adrian Delia mill-Grupp Parlamentari tal-PN u mill-Kumitat Eżekuttiv, Mifsud Bonnici qalet li “allaħares il-PN ma jkunx qed jagħti widen u toqol ta’ dak li esprimew” il-membri ta’ dawn il-fora tal-partit. Qalet li jkun inutli li wieħed iwaħħal f’gruppi differenti li ma jkunux aċċettaw lil xi persuni għaliex saħqet li kulħadd għandu d-dritt jesprimi lilu nnifsu.

Reazzjonijiet negattivi għad-deċiżjoni tal-PN li joħodha kontra ż-żgħażagħ

Paula Mifsud Bonnici saħqet li allahaħes naslu f’punt li l-partit jieħu azzjoni kontra struttura oħra tal-partit bħalma hi l-Moviment Żgħażagħ Partit Nazzjonalista.

L-intervista xxandret qabel ma ttieħdet id-deċiżjoni mis-Segretarju Ġenerali tal-PN Francis Zammit Dimech biex jirrikorri għal miżuri dixxiplinarji kontra din il-fergħa taż-żgħażagħ tal-Partit Nazzjonalista. Sorsi qalu li Zammit Dimech kien kostrett jieħu din id-deċiżjoni minħabba pressjoni mill-Kap attwali tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia. 

Il-Professur u Dekan tal-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà fl-Università ta’ Malta Andrew Azzopardi stqarr li l-Partit Nazzjonalista qed “ikompli jħaffer toqba aktar fonda”.

Azzopardi, li fl-aħħar snin kemm-il darba kritika lill-Partit Nazzjonalista, ħeġġeġ liż-żgħażagħ jibqgħu sodi u jsemmgħu leħinhom. Huwa staqsa għaliex l-MŻPN ġew imsikkta minħabba li ma jaqblux mal-Kap u mal-Uffiċjali u staqsa wkoll għalfejn qed jiġu mhedda.

B’kumment satiriku huwa qal li b’dan l-aġir iż-żgħażagħ mhux qed jitrawwmu f’ideal kritiku.

Il-Partit Nazzjonalista jkompli jhaffer toqba aktar fonda. Mela ghax il-moviment taz-zghazagh (MZPN) ma jaqbilx…

Posted by Andrew Azzopardi on Tuesday, July 21, 2020

Tkellem ukoll l-eks preżentatur ta’ Net TV Norman Vella fejn qal li “dak li qed jiġri fil-PN illum mhux biss kwistjoni dwar persuna jew persuni, imma huwa għażla li trid issir bejn investiment fl-ulied, forsi mqarbin, diżubbidjenti u iktar avventurużi, jew investiment fil-qabar, fejn il-kwiet u s-silenzju huma garanzija għall-eternità”.

Il-Partit Nazzjonalista fil-Gvern liż-żgħażagħ ta' żmieni fetħilna beraħ il-bibien tal-Università biex niftħu moħħna,…

Posted by Norman Vella on Tuesday, July 21, 2020