Filmat: €700,000 għall-binja tal-Caritas fi Blata l-Bajda

Read in English.

Caritas Malta u The Alfred Mizzi Foundation waqt konferenza stampa ħabbru li l-Fondazzjoni se tkun qed tagħti għajnuna finanzjarja lil Caritas Malta għal bini l-ġdid fi Blata l-Bajda. F’dan il-bini se jkunu qed jinġabru s-servizzi kommunitarji kollha ta’ Caritas Malta.

Id-Direttur ta’ Caritas Malta, Anthony Gatt qal li l-viżjoni hija li jiġi eradikat il-faqar, li jkun hemm żvilupp sħiħ tal-persuna u li tkun imħarsa l-ġustizzja soċjali. Gatt qal li l-bniedem jibqa’ ċ-ċentru tal-ħidma kontinwa ta’ Caritas.

The Alfred Mizzi Foundation tieħu ħsieb il-preparazzjoni tal-ikel għall-ikla tal-Milied organizzata minn Caritas Malta.

Il-bini l-ġdid ta’ Caritas Malta se jospita s-servizzi kollha fil-kommunità

Il-bini l-ġdid ta’ Caritas Malta se jkun qed jospita l-amministrazzjoni kif ukoll is-servizzi kommunitarji kollha fosthom servizz ta’ counselling, social work, internvenzjonijiet f’każijiet ta’ kriżi fil-familji kif ukoll programmi ta’ prevenzjoni fl-iskejjel u fuq il-postijiet tax-xogħol. Minn dan il-bini l-ġdid se jkun qed isir il-kordinazzjoni tas-social work fil-parroċċi u fis-settur volontarju.

Dan iċ-ċentru se jkun mibni fuq ħames sulari li jinkludi kamra li tilqa’ fiha 200 persuna. Se jkun hemm ukoll servizz li wieħed jista’ jmur għall-għajnuna fil-kommunità, għall-kommunità u lill-kommunità.

Għal dan il-proġett The Alfred Mizzi Foundation tat is-somma ta’ €700,000. Din is-somma ngħaqdet mal-fondi interni ta’ Caritas Malta u b’hekk seta’ jibda x-xogħol f’Settembru li għadda.

Investiment li minnu se tgawdi s-soċjetà – Iċ-Chairperson tal-Fondazzjoni

Iċ-Chairperson tal-Fondazzojni Julian Sammut spjega spjega li wieħed mill-fatturi importanti li jħares il-bord mhux biss kemm se jitqassmu fondi imma wkoll lil min. Mhux biżżejjed li tiġi mgħejjuna l-kawża imma li jiġi ssodisfat il-kriterju  ta’ kif jigu amministrati l-fondi.  Żied li huwa ta’ privileġġ għall-fondazzjoni li tista’ tikkontribwixxi f’dan il-proġett li minnu tista’ tgawdi s-soċjetà.