Filmat: €7 miljun f’investiment minn kumpanija tal-istampar

Il-kumpanija tal-istampar Gutenberg Press Limited ħabret li se tkun qed tagħmel investiment biex tkabbar l-impjant u żżid it-tagħmir.

Blodwen Vella Spiteri spjegat l-istorja tal-kumpanija tal-istampar li ilha mwaqfa mill-1982 minn Frank Spiteri.

Vella Spiteri spjegat li l-investiment ta’ €7 miljuni huwa l-ikbar investiment għall-kumpanija u se jkun qed jikkonsisti f’estenzjoni tal-bini eżistenti tal-fabbriki, kif ukoll magni ġodda u investiment fit-taħriġ tal-impjegati tal-istess kumpanija.

Kompliet tispjega li l-investiment se jkun qed iffisser ukoll iktar xogħol ta’ kwalità filwaqt li l-kumpanija se tkun qed tiddiversifika. Vella Spiteri qalet ukoll li dal-investiment sar bl-assistenza tal-Malta Enterprise.

Vella Spiteri semmiet ukoll l-inċertezza li magħha ġġib il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea hekk kif wieħed mis-swieq tal-kumpanija huwa propju dal-pajjiż.

L-investiment mill-kumpanija tħabbar waqt żjara li saret it-Tnejn f’waħda fl-istamperija f’Ħal Tarxien mill-Prim Ministru Joseph Muscat li kien akkumpanjat mill-Ministru għall-Ekonomija Chris Cardona u l-Whip tal-Gvern Byron Camilleri.