Filmat: €4 miljun għall-Caritas biex tgħin lill-vittmi

Il-Ministeru għas-Solidarjetà Soċjali ffirma ftehim mal-Caritas b’finanzjament totali ta’ €3,793,410 fuq perjodu ta’ 3 snin, li se jinqasmu f’servizzi residenzjali u servizzi fil-komunità u t-terapija, fl-okkażjoni tal-50 sena anniversarju mill-bidu tal-Caritas.

Dan ingħad fi stqarrija fejn ġie spjegat dak li ntqal waqt l-iffirmar tal-ftehim li sar fil-Kurja tal-Arċisqof fil-Furjana fil-preżenza tal-Ministru għas-Solidarjetà Soċjali Michael Falzon. Fl-istqarrija ġie spjegat li €2,713,410 se jmorru għas-servizzi residenzjali, filwaqt li €1,260,000 se jmorru għas-servizzi fil-komunità u t-terapija.

“Jekk persuna tiġi tħabbat, se ssib l-għajnuna”

Newsbook.com.mt tkellem mad-Direttur tal-Caritas Anthony Ellul, li qal li dan il-kuntratt hu marbut ma’ 4 ċentri: ma’ dak ta’ outreach fil-Furjana, li fih ukoll taqsima għall-qraba tal-vittmi, għaċ-ċentru ta’ San Blas fejn tingħata għajnuna terapewtika, u anke għaż-żewġ xelters tan-nisa u tal-irġiel.

Huwa qal li b’dan il-ftehim, il-Caritas se tkompli joffri servizz aħjar lill-klijenti, li jafu li jekk se jħabbtu għand il-Caritas, se jsibu spalla fuqiex jistrieħu. Huwa żied jgħid li matul l-2018 il-Caritas rat 700 klijent bi problema ta’ droga, kif ukoll 500 persuna oħra li huma l-qraba ta’ dawn in-nies.

Il-Ministru Falzon qal li dan il-ftehim, li hu fuq medda ta’ tliet snin, għandu jsaħħaħ il-livell ta’ servizz offrut mill-Caritas lill-vittmi tad-droga biex joħorġu mill-vizzji. Il-Ministru qal ukoll li beda x-xogħol fuq iċ-Ċentru Terapewtiku u ta’ Riabilitazzjoni għall-Adolexxenti f’Ta’ Kandja, li l-Gvern diġà għandu f’moħħu min jista’ jmexxih.