Filmat: €14,000 b’risq l-annimali

Il-kura u l-ħajja ta’ ħafna annimali tista’ titjieb wara li l-Gvern ta’ kważi €14,000 lill sitt Organizzazzjonijiet Non-Governattivi (NGOs) li jgħinu fl-addozzjoni tal-annimali.

Id-Direttur tal-Animal Welfare, Noel Montebello, qal ma’ newsbook.com.mt li dawn il-flus se jiġu użati biex isiru spezzjonijiet fuq l-ambjent li jkunu fih l-annimali meta jiġu addottati biex jiġi assigurat li jkollhom l-aħjar ambjent possibbli. Apparti minn hekk, Montebello qal li dawn il-flus jistgħu jiġu użati mill-istess NGOs biex itejbu l-ambjent u s-servizzi li jofru lill-annimali fis-santwarji tagħhom.

Il-flus ingħataw mis-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet tal-Annimali, Clint Camilleri.

L-organizzazzjonijiet li qegħdin jibbenefikaw minn dawn il-fondi huma Tomasina Cat Sanctuary, l-Assoċjazzjoni għall-Annimali abbandunati, Island Sanctuary Association, Stray Animals Support Group, Carers for Stray Abandoned Felines u St Paul’s Bay Charity.