Filmat: €1.5 miljun għall-Caritas mill-NSDF għal binja ġdida fi Blata l-Bajda

Il-Fond Nazzjonali u Soċjali ta’ Żvilupp (NSDF) għamel għotja ta’ €1.5 miljun lill-Caritas sabiex din tinvesti fi propjetà ġdida fi Blata l-Bajda.

Dan tħabbar mill-Prim Ministru Robert Abela waqt żjara li għamel fl-uffiċini tal-Programm ta’ Ċittadinanza b’Investiment, fejn saħaq dwar l-importanza ta’ dan il-programm għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali Malti.

Id-Direttur tal-Caritas Anthony Gatt spjega kif dawn il-flus se jgħinu biex jitwettaq proġett li ilu ħolma mill-2005.

Il-Fond Nazzjonali u Soċjali ta’ Żvilupp (NSDF) jirċievi 20% tal-kontribuzzjonijiet mingħand il-programm taċ-ċittadinanza bil-bejgħ tal-passaporti. Il-Prim Ministru stqarr li jieħu gost jara dan il-programm irendi l-frott, speċjalment biex jgħin lil dawk l-aktar fil-bżonn bħalissa, li ntlaqtu minn sfidi soċjali. L-istess kien is-sentiment tas-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza Alex Muscat, u tal-Kap Eżekuttiv tal-Programm ta’ Ċittadinanza b’Investiment Jonathan Cardona.

Il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri spjega kif mingħajr għajnuniet bħal dawn, għaqdiet bħall-Caritas ma jkunux jistgħu jwettqu l-proġetti li jkollhom f’moħħhom biex jgħinu lill-iżjed nies vulnerabbli fis-soċjetà.