Filmat: Dwett minn Claudia u ommha Anna

“Nawgura lill-ommijiet kollha” kitbet Anna Faniello lbieraħ filgħaxija hekk kif hi u bintha Claudia Faniello nedew fuq il-midja soċjali l-filmat tad-dwett li huma rrekordjaw minkejja li qed ikollhom iżommu d-distanza.

Quello Che Le Donne Non Dicono hi kanzunetta b’saħħitha li biha Fiorella Mannoia kienet rebħet il-Premio della Critica waqt l-edizzjoni tal-1987 tal-festival ta’ Sanremo. Il-kanzunetta hi miktuba minn Enrico Ruggeri u Luigi Schiavone.

B’dan id-dwett Claudia u ommha Anna qed jirrappreżentaw l-għaqda fil-familja proprju fi żmien fejn ħafna familja qed ikollhom iżommu ‘l bogħod minn xulxin minħabba fis-sitwazzjoni preżenti li nħolqot mill-Covid-19.

Proprju f’dawn iż-żminijiet Claudia ma qagħditx lura milli twassal permezz tal-paġna tagħha fuq Facebook bosta kanzunetti li hi qed tirrekordja mid-dar tagħha.

Barra minn hekk, ftit tal-ġranet ilu, nhar l-4 ta’ Meju, Anna Faniello, li niftakru mill-ewwel edizzjoni at’ X Factor Malta, iċċelebrat għeluq it-58 sena tagħha. Hija twieldet fl-1962. Hija għandha wkoll żewġ ulied oħra, Miriana kif ukoll il-kantant Fabrizio.

Awguri lil Anna u l-ommijiet kollha f’okkażjoni ta’ Jum l-Omm.