Ritratti: Dun Joe Zammit jingħata Ġieħ il-Qala 2020

Ġieħ il-Qala 2020 - Dun Joe Zammit

L-Arċipriet Emeritu tal-Qala Dun Joe Zammit ingħata l-unur ta’ Ġieħ il-Qala 2020 għas-servizz li ta fil-Parroċċa tal-Qala għal 17-il sena sħaħ, l-ewwel bħala Viċi Parroku u mbagħad bħala Arċipriet.

F’diskors qasir tal-okkażjoni huwa rringrazzja lil kull min mexa miegħu tul it-triq, bi mħabba u kollaborazzjoni, filwaqt li insista li l-prijorità għalih f’dan il-vjaġġ kienet l-attenzjoni li kellu għal kull individwu.

Dun Joe ngħata dik li sejħilha grazzi kbira mill-komunità tal-Qala f’ċerimonja fil-Knisja Parrokkjali, li preżenti għaliha kien hemm fost l-oħrajn il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri li hu mill-Qala u s-Sindku tal-lokalità Paul Buttigieg.

Rev. Dr Joseph Zammit huwa Imħallef fit-tribunali tal-Knisja f’Malta u f’Għawdex u Assistent Kap tas-Seminarju Minuri tal-Qalb ta’ Ġesù fir-Rabat Għawdex. Huwa wkoll blogger ta’ Newsbook.com.mt.