Filmat: ​Dun Ġorġ Preca qed idur lil Għawdex

L-uniku post li nafu biċ-ċert li żar f’Għawdex kien in-Nadur, fejn kien iħobb imur għand is-Superjura Rakela Camilleri, li magħha kien iżomm korrispondenza spiritwali spissa. U anki din id-darba, ried li jibda min-Nadur!
Mit-28 ta’ Marzu, il-monument tal-bronż li d-Djoċesi ta’ Għawdex qed twaqqaf f’ġieħ il-qaddis Malti Dun Ġorġ Preca qed idur parroċċa parroċċa, sakemm fis-6 ta’ Mejju jitqiegħed f’niċċa fil-faċċata tal-knisja ta’ San Ġakbu, fi Pjazza Indipendenza, il-Belt Victoria.
L-istatwa life-size ġiet iddisinjata mill-artist żagħżugħ Għawdxi Manuel Farrugia, li mhux biss naqqax l-abbozz fit-tafal, imma wkoll il-mudell sħiħ fil-ġibs.
Ma' Newsbook.com.mt, Farrugia qal li bħal daż-żmien sena kien Ruma għand il-funderija Domus Dei, fejn fuq il-mudell tax-xema’, wara li għażel il-patina, inħadmet l-istatwa fil-bronż, l-aħħar opra kbira ta’ din il-fabbrika qabel tagħlaq il-bibien tagħha.
L-artist spjega kif, b’differenza mix-xbihat ta’ Dun Ġorġ li mdorrija naraw, hu ppreżentah qed iross ma’ qalbu lil Ġesù Tarbija . Anki idu l-leminija hi miftuħa lejn il-poplu biex jistiednu jikkontempla l-Misteru tal-Inkarnazzjoni li tant ħabb u xerred il-qima lejh.
"Il-Knisja għandha tieħu l-eżempju ta' Dun Ġorġ u xxandar il-Vanġelu minn fuq il-bjut"
Dun Eddie Zammit, kelliem għall-Kumitat responsabbli, fisser li l-Knisja f’Għawdex ilha tixtieq tfakkar lill-Fundatur tal-Museum b’monument li jitqiegħed fl-aktar pjazza importanti tal-gżira. Dan qed iseħħ mitt sena wara li f’Għawdex twaqqfet l-ewwel Fergħa Femminili tal-Museum, u 75 sena wara t-twaqqif tal-Fergħa Maskili.
F’ittra li kiteb lill-familji, l-Isqof ta’ Għawdex qal li kull familja hi midjuna lejn Dun Ġorġ, għax “ftit huma dawk li ma xorbux mill-għajn” tat-tagħlim fl-Oqsma Museumini. “Ħassejt li nkun ninterpreta s-sentimenti ta’ gratitudni li l-poplu Għawdxi għandu lejn dan it-tieni Missier tagħna fil-fidi fi Kristu, billi nwaqqfu monument tal-bronż lil dan il-qaddis fiċ-ċentru tal-gżira”.
Il-monument, li ġie jiswa eluf ta’ ewro, mhux biss turija ta’ apprezzament lejn Dun Ġorġ, żied jirrimarka l-Isqof, imma wkoll “impenn tal-Knisja f’Għawdex, li għadha kif iċċelebrat il-150 sena mit-twaqqif tagħha biex, fuq l-eżempju ta’ dan is-saċerdot, fil-ġejjieni tkompli xxandar il-Vanġelu ta’ Ġesù minn fuq il-bjut”.
“Hija xewqa tiegħi li kull min iserraħ għajnejh fuq dan il-mafkar, filwaqt li jagħmel talba għall-vokazzjonijiet saċerdotali, jiftakar li llum imiss lilna lkoll li nkomplu l-ħidma ta’ Dun Ġorġ billi ngħaddu lil Ġesù lill-bniedem”, temm jikteb l-Isqof Grech.