Filmat: Dun Agius jibqa’ mfakkar għall-imħabba tiegħu għat-tagħlim – L-Arċisqof

Il-Funeral ta' Fr Alfred AgiusAgħtih, O Mulej, il-mistrieħ ta' dejjem, id-dawl ta' dejjem jiddi fuqu, jistrieħ fis-sliem. Ammen.

Posted by Roderick Agius on Thursday, November 26, 2020

L-Arċisqof Charles Scicluna sostna li Dun Alfred Agius se jibqa’ mfakkar fost l-oħrajn għall-imħabba li kellu għat-tagħlim u għat-tixrid tal-kelma ta’ Alla. Hu qal dan fil-funeral tal-qassis li sar propju llum waranofsinhar.

Il-qassis Żebbuġi miet bil-coronavirus. Huwa kellu 70 sena u kien qed jikseb kura fir-Residenza San Vinċenz de Paule, fejn fis-17 ta’ Novembru rriżulta fil-pożittiv għall-Covid-19.

Apparti mis-snin twal, aktar minn 40 sena, li qatta’ bħala saċerdot djoċesan fil-Parroċċa ta’ Ħaż-Żebbuġ, raħal twelidu, Dun Alfred kien jaħdem ukoll fil-Ministeru tal-Edukazzjoni. Sal-1980 huwa kien jaħdem mas-Salesjani ta’ Don Bosco.

Fl-omelija tiegħu fil-funeral ta’ Dun Agius, l-Arċisqof Charles Scicluna qal Dun Agius ta ħajtu fost ħafna tbatija u rrimarka li l-istorja ta’ ħajtu għaddiet minn ħafna inżul u tlajja. “Hu kien magħruf għall-imħabba tiegħu għat-tagħlim, għall-faqar tiegħu u għall-ideat tiegħu li mhux dejjem inftegħmu,” qal l-Arċisqof.

Irrakkonta kif kellu laqgħat ma’ Dun Agius fejn dejjem rah mimli entużjażmu għat-tixrid tal-kelma ta’ Alla biex il-bniedem jifhem il-ferħ tal-fidi. Spjega li l-Mulej qed jistedinna nifhmu li s-sens tal-ħajja tagħna huwa ‘lil hinn minn dak li nistgħu naraw b’għajnejna u missu b’idejna.

“Ejjew nitolbu għal ruħ Dun Alfred u għad-don tal-vokazzjonijiet għall-katekisti, għas-saċerdoti nnamrati mal-kelma t’alla kif kien hu. Ejjew nitlobu li aħna wkoll nitgħallmu mil-lingwa tal-imħabba, il-lingwa li jifhima kulħadd,” temm jgħid l-Arċisqof.