Filmat: Duħħan iswed u storbju minn ġeneratur qalb ir-residenti

Ir-residenti ta’ Triq il-Keffa u Triq il-Qantar fis-Swieqi qed jilmentaw li ma jistgħux jiftħu t-twieqi tad-djar tagħhom minħabba d-duħħan iswed u l-istorbju li qed jagħmel ġeneratur li tpoġġa mill-Korporazzjoni Enemalta.
Il-ġeneratur tpoġġa biex tkun tista’ tinxtegħel il-ħofra, li tinsab maġenb iċ-Ċentru Ċiviku, li fiha qed isir xogħol b’rabta mal-interconnector.
Ma’ Newsbook.com.mt il-Viċi Sindku tas-Swieqi, Justin Fenech, qal li l-ġeneratur tpoġġa mingħajr l-ebda konsultazzjoni mal-Kunsill Lokali u r-residenti.
Il-Viċi Sindku tkellem mal-perit tal-proġett li għalkemm kellu jipprova jirranġa s-sitwazzjoni baqa’ ma sar xejn.
Kelliem għall-Enemalta qal mal-Kunsill tas-Swieqi li l-ġeneratur mistenni jibqa’ hemm sal-aħħar ta’ Settembru li ġej.
Justin Fenech saħaq li “fuq bażi nazzjonali dejjem nisimgħu stejjer dwar fabbriki tal-kanċer u tniġġis fl-arja” iżda mbagħad entità tal-Gvern poġġiet ġeneratur li qed iniġġes l-arja f’żona residenzjali.
Il-Viċi Sindku spjega li l-Kunsill mhux kontra l-bini tal-interconnector iżda sostna li t-tniġġis li qed joħloq il-ġeneratur mhux addattat għal żona li fiha jgħixu n-nies.
Fenech ma ċaħadx li jekk l-awtoritajiet se jibqgħu ma jagħtux kas l-ilmenti tal-Kunsill u r-residenti, il-Kunsill se jkun qed jieħu passi ulterjuri.