Filmat: Drones f’Gatwick jaffettwaw 6 titjiriet f’Malta

Sitt titjiriet minn u lejn Malta ġew affettwati minħabba xi drones li dehru jtiru fl-ajruport ta’ Gatwick fir-Renju Unit.

Skont il-BBC, l-ajruport ta’ Gatwick ingħalaq l-Erbgħa filgħaxija meta żewġ drones dehru jtiru qrib ir-runway. Illum kellhom itiru madwar 110,000 passiġġieri fuq 760 titjira. Jista’ jkun li d-dewmien idum għaddej għal diversi jiem.

Kelliema għall-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta qalet ma’ Newsbook.com.mt li t-titjira KM116 lejn Gatwick tħassret. Il-passiġġieri taru fuq il-KM100 lejn Heathrow minflok. It-titjira KM117 għandha tasal Malta fil-4.55 am għada minflok fl-4 pm illum. It-titjiriet BA 2644 u BA 2645 ġew kanċellati. It-titjiriet EZY 8823 u EZY 8824 se jittardjaw.

Skont il-BBC, il-Pulizija fir-Renju Unit għadha ma sabitx min kien qed itajjar id-drones.