Filmat: “Dritt tiegħi li nivvjaġġa bir-rota mingħajr ma mmut” – Il-President ta’ BAG

Read in English.

Michelle Attard Tonna, il-President tal-Bicycle Advocacy Group (BAG) sostniet li jekk trid tivvjaġġa bir-rota, huwa dritt tagħha li tagħmel dan mingħajr ir-riskju li tmut jew li tispiċċa tkorri.

Dan qalitu waqt intervista ma’ Prof. Andrew Azzopardi fuq il-programm tiegħu fuq 103 Malta’s Heart ilbieraħ.

Attard Tonna qalet li din hi propju l-kawża tal-Bicycle Advocacy Group, li kulħadd jitħalla jivvjaġġa kif jixtieq hu, mingħajr ir-riskju li jitlef ħajtu. Spjegat kif kull min ma jivvjaġġax b’karozza huwa vulnerabbli, bħal dawk li jużaw rota jew mutur. Semmiet kif f’Malta hawn l-ossessjoni li mmorru kulimkien bil-karozza, għax donna ninkwetaw li mhux se naslu fil-ħin jekk ma nagħmlux dan.

Hi stqarret li propju għax Malta hi pajjiż żgħir, jeħtieġ li jkun hemm l-alternattivi għall-mezzi tat-trasport. Il-karozzi mhumiex jagħmlu suċċess għax joħolqu problemi ta’ traffiku, ta’ tniġġis tal-arja u ta’ parkeġġ. Attard Tonna semmiet kif fi bliet kbar barra minn Malta, irrealizzaw kemm l-ispazju miftuħ hu importanti għall-komunità, u n-nies huma mdorrija jmorru jimxu jew imorru jixtru bil-mixi. It-tfal huma mdorrijin jiġru barra, mentri f’Malta nibżgħu nħallu lil tifel ta’ seba’ snin imur jixtri waħda bil-mixi.

Hija żiedet tgħid li din is-sitwazzjoni qed toħloq imġiba mhux normali, għaliex mhuwiex normali li wieħed jesperjenza l-biża’ biex jimxi barra.

Fil-fehma ta’ Attard Tonna, il-politiċi ma jinkoraġġux aktar l-użu tar-roti għax għandhom aġenda, peress li l-ivvjaġġar bir-rota ma jdawwarx l-ekonomija daqskemm tagħmel dan il-karozza bl-ispejjeż kollha li ġġib magħha, mill-ħlas tal-fjuwil sal-ħlas tal-parkeġġ.