Filmat: “Drenaġġ fil-baħar fil-Mellieħa”; “ittieħdet azzjoni”

Wara li filmat ittella’ fuq Facebook juri drenaġġ ħiereġ minn katusi minn lukanda fil-Mellieħa għal ġol-baħar, Newsbook.com.mt ġie mgħarraf li ttieħdet azzjoni wara li saru xi rapporti dwar dan.

Newsbook.com.mt tkellem mas-Sindku tal-Mellieħa, Dario Vella, li spjega li meta l-Kunsill jidħollu xi rapport tat-tip, dejjem jagħmel ir-rapporti tiegħu lill-awtoritajiet ikkonċernati kemm jista’ jkun malajr. Vella qal li dawn għandhom proċeduri li jiskattaw sabiex jittieħdu l-azzjonijiet li hemm bżonn u jitweħħlu l-multi skont il-liġi.

Intant, kelliem għall-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma qal ma’ Newsbook.com.mt li l-każ partikolari huwa każ ta’ terzi persuni u mhux parti mis-sistema ta’ network ta’ drenaġġ tal-Korporazzjoni. Intant il-kelliem qal li minn informazzjoni li għandha l-Korporazzjoni, diġà ttieħdet l-azzjoni neċessarja mal-awtorità.

Intant, il-Kunsillier tal-Mellieħa Gabriel Micallef qal fuq Facebook li wara li rċieva numru lmenti ħa azzjoni u rrapporta lill-Pulizija u l-awtoritajiet relevanti.

Filmat: Charlton Sammut