Filmat: Dramm oriġinali li jagħti ħarsa lejn il-prostituzzjoni f’Malta

Għal din l-edizzjoni ta’ Nitfa Kultura fuq newsbook.com.mt, Frederick Zammit jitkellem ma’ Angele Galea dwar Waħda Minna, dramm ġdid li juri s-sitwazzjoni lokali fost grupp ta’ nies fis-soċjetá tagħna li ilhom jgħixu ħajja ta’ abbuż minn kull tip għal ġenerazzjonijiet sħaħ. Din ir-reċta oriġinali miktuba minn Angele Galea (li tieħu sehem ukoll) tagħti titwila fil-ħajja ta’ familja ta’ nisa li maqbudin jgħixu f’ċiklu ta’ prostituzzjoni, faqar, degradazzjoni u droga.

Miktub wara tliet snin ta’ taħdidiet u intervisti, Waħda Minna hija l-istorja ta’ Rose, Sharon u Luana: tliet ġenerazzjonijiet ta’ nisa li twieldu u x’aktarx imutu f’sitwazzjoni li bilkemm nistgħu nimmaġinaw. Dan id-dramm huwa mmirat biex tingħata pjattaforma kif ukoll livel ta’ dinjitá lil dawn in-nies li anke illum il-ġurnata jinsabu maqbudin ġo dinja soffokanti li ma jistgħux jaħarbu minnha.

Waħda Minna se tittella fl-24 u 25 ta’ Ottubru fil-Malta Midwives Association ġewwa l-Imsida u fis-26 u 27 ta’ Ottubru fis-City Theatre (Sala 1) ġewwa l-Belt Valletta. Biljetti ta’ €10 jinxtraw minn Eventbrite.com.

Jieħdu sehem Angele Galea, Naomi Knight, Theresa Gauci, Sean Briffa u Jeremy Grech taħt id-direzzjoni ta’ Malcolm Galea. Ir-rapresentazzjonijiet kollha jibdew fis-7:30pm u jdumu siegħa. Id-dramm huwa bil-Malti.