Filmat: Dramm bi tmiem differenti f’kull rappreżentazzjoni

Matul Ottubru se jkun qed jittella’ d-dramm Meta Ġrejna Wara x-Xemx, li se jkun partikolarment differenti minn drammi teatrali oħra li ttellgħu s’issa.

Dan għaliex kull serata tispiċċa differenti peress li l-awtur Clive Piscopo kiteb 4 konklużżjonijiet differenti. It-tmiem se jkun determinat minn xi ħaġa li se tiġri fuq il-palk ħames minuti qabel it-tmiem. 

Meta Ġrejna Wara x-Xemx hi storja qawwija li se ddaħqek u fl-istess ħin iżżommok fuq ix-xwiek biex tara kif se tizvolġi.

L-istorja ddur ma’ kif il-mewt mhux mistennija ta’ ħabib tat-tfulija terġa’ tgħaqqad erbat iħbieb wara 12-il sena ta’ silenzju bejniethom. Il-pjan hu li jiltaqgħu għal lejla waħda flimkien. Biex isellmu l-memorja ta’ seħibhom. Biex jiftakru b’nostalġija fl-isbaħ zmien ta’ tfulithom. U biex, forsi, jagħmlu sens mill-avveniment li 12-il sena qabel firidhom darba għal dejjem. Li ma jafux hu li għad baqa’ l-aħħar sigriet x’joħroġ!

Għalkemm għad baqgħalu 3 ġimgħat biex jittella fuq il-palk, dan id-dramm jidher li qajjem interess kbir. 400 biljett inħatfu mal-24 siegħa u l-ewwel weekend kważi diġà sold out.

Fuq dan id-dramm tkellem ukoll il-psikoloġista Dr Nicholas Briffa li qal, ‘Dan huwa d-dramm li għandna bzonn naraw issa.’

“Din il-produzzjoni se tkun esperjenza teatrali mill-isbaħ għal min jattendi,” qalilna l-kittieb Clive Piscopo, li huwa wkoll wieħed mill-atturi. ‘Waħda mill-iktar affarijiet avventuruzi f’dan id-dramm huwa wkoll l-fatt li jien ktibtlu 4 konkluzjonijiet imma liema wieħed se mmorru għalih se jiġi ddeterminat fuq il-palk ħames minuti biss qabel it-tmiem. Dan ifisser li kemm l-atturi kif ukoll l-udjenza se jiskopru t-tmiem tad-dramm flimkien.”

Meta Ġrejna Wara x-Xemx se jittella’ ġewwa Spazju Kreattiv nhar it-18, 19, 20 u 24, 25, 26, 27 ta’ Ottubru u l-biljetti jinkisbu minn www.spazjukreattiv.org

B’kitba ta’ Clive Piscopo u direzzjoni ta’ Lee-N Abela, il-kast jinkludi lil Clive Piscopo, Sarah Camilleri, Christine Francalanza, Christian Grech, u Claire Buhagiar kif ukoll lil Maria Farrugia, Maronia Mallia, Luke Magro, Gilbert Mallia, u Nathan Aquilina.

Id-dramm hu mmirtat għal udjenza minn 16-il sena ‘l fuq.