Filmat: Dr Grech tneħħa minħabba l-kwistjoni tal-iskejjel – MUT

Read in English.

Marco Bonnici, il-President tal-Unjin tal-Għalliema f’Malta (MUT), qal li hu ċar li l-kawża għat-tneħħija ta’ Dr Kenneth Grech minn konsulent tas-saħħa pubblika hija l-kwistjoni li kellha l-MUT mal-Gvern dwar il-ftuħ tal-iskejjel, billi hi ordnat lill-għalliema jistrajkjaw għal jumejn wara li l-Gvern ma ħax il-parir ta’ Dr Grech biex l-iskejjel ma jiftħux il-Ħamis u l-Ġimgħa li għadda.

Bonnici stqarr ma’ Newsbook.com.mt li s-sekwenza ta’ kif ġraw l-affarijiet – li l-Erbgħa tħabbret it-tilwima industrijali, il-Ħamis u l-Ġimgħa seħħ l-istrajk, u Dr Grech ġie trasferit it-Tnejn filgħodu – hija ftit dubjuża. “Jien ma nemminhomx il-kumbinazzjonijiet,” qal Bonnici, hu u jisħaq li għalih huwa ċar li l-kawża għaċ-ċaqliq ta’ Dr Grech kienet il-kwistjoni tal-MUT mal-Gvern fuq l-iskejjel.

Il-kwistjoni kollha bdiet nhar l-Erbgħa li għadda, meta l-MUT ħabbret li hi għandha informazzjoni li persuna mlaħħqa fis-saħħa pubblika tat parir lill-Ministeru tal-Edukazzjoni biex it-tagħlim isir online nhar il-Ħamis u l-Ġimgħa, u l-iskejjel jerġgħu jinfetħu t-Tnejn, iżda l-Ministeru għażel li ma jiħux dan il-parir.

L-MUT imbagħad iltaqgħet mal-Gvern nhar l-Erbgħa filgħaxija, imma fi kliem Bonnici, “il-Gvern litteralment tefagħna ‘l barra u qalilna li mhux lest jaċċetta talba bħal dik.” Għalhekk, l-MUT sejħet strajk ta’ jumejn, li kien wieħed ta’ suċċess peress li diversi għalliema pparteċipaw fih.

Il-Ġimgħa filgħaxija, imbagħad, intlaħaq qbil bejn l-MUT u l-awtoritajiet li se jissaħħu l-protokolli fl-iskejjel u li l-għalliema se jingħataw il-vaċċin qabel ippjanat, u l-iskejjel kollha jiftħu nhar it-Tnejn. U hekk ġara, iżda l-istorja ħadet żvolta oħra peress li lbieraħ filgħodu, hekk kif fetħu l-iskejjel u l-għalliema u l-istudenti rritornaw fihom, l-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) ħabbret li l-uffiċjal għoli li kien ta parir li l-iskejjel ma jinfetħux, Dr Kenneth Grech, ingħata trasferiment, u ma tħalliex jibqa’ jaħdem fuq il-Covid-19.

Il-MAM ikkundannat dan l-aġir, u magħha ngħaqdu diversi entitajiet oħra, fosthom l-MUT. Il-Ministeru tas-Saħħa ċaħad li din kienet ir-raġuni u spjega li Dr Grech kien intalab jaħdem fuq xi fondi minflok jibqa’ jaħdem fuq il-pandemija. Il-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne wkoll ċaħdu dan.

L-unjin qed tikkundanna din iċ-ċaqliqa u Bonnici argumenta li allaħares naslu f’punt fejn persuna rispettabbli tiġi mċaqalqa għax tagħti l-parir responsabbli u xjentifiku mistenni minnha, għaliex dan ma jkunx intgħoġob.

It-talba tal-MUT hija li Dr Grech jingħata l-istess xogħol li kellu qabel biex jibqa’ jagħti l-kontribut tiegħu lill-pajjiż.

L-MUT mhix l-unika entità li qed tagħmel din it-talba, billi llum tkellmu anke l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech, in-Network tas-Saħħa f’Malta, u l-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem fuq din il-kwistjoni.

Il-MAM, min-naħa l-oħra, iddikjarat tilwima industrijali b’azzjonijiet dimostrattivi li jibdew nhar il-Ħamis, u mbagħad jeskalaw nhar it-Tnejn. L-MUT qed tappoġġja lill-MAM f’din il-ġlieda tagħha.

L-intervista sħiħa

Dr Grech għandu jerġa’ jingħata l-kariga tiegħu?

Ikkummenta hawn taħt jew ibagħtilna fuq info@newsbook.com.mt

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet minn Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn