Filmat: Double-decker tibqa’ dieħla f’supermarket; imut tifel ta’ 7 snin

Il-filmat juri l-mument tal-waħx meta sewwieq ta’ 80 sena saq double-decker u baqa’ dieħel f’supermarket, fejn qatel passiġġier ta’ 7 snin, u mara fit-triq li kellha 76 sena. Dan ġara wara li ħadem 75 siegħa fil-ġimgħa għal 3 ġimgħat wara xulxin.

Illum instema’ l-każ il-Qorti, u nqatgħet li s-sewwieq kien qed isuq b’mod perikoluż. Il-ħabta ġrat fl-2015, meta hu ħaseb li kien qed jagħfas il-brake – iżda minflok, għafas il-gas.

Fil-filmat jidher li n-nies telqu jiġru, iżda mhux kulħadd laħaq jaħrab; Dora Hancox, mara ta’ 76 sena, kienet qed taqsam it-triq. Hi ntlaqtet mill-vettura, kif ukoll minn fanal fil-ġenb tat-triq li waqa’ fuqha. Meta baqa’ dieħel fis-supermarket, il-livell ta’ fuq tgħaffeġ minn quddiem. It-tifel ta’ 7 snin, Rowan Fitzgerald, kien bilqiegħda fuq quddiem fuq dak il-livell.