Filmat: “Dora tiggwidani biex nevita dak li jingombra l-bankini” – Christine

Christine Mifsud, li hija nieqsa mid-dawl, spjegat ma’ Newsbook.com.mt li l-kelba tagħha Dora, li hija kelba gwida, tgħinha biex ta’ kuljum tkun tista’ toħroġ mid-dar u tevita dak kollu li jkun qed jingobra l-bankini.

F’intervista ma’ Newsbook.com.mt Christine irrakkuntat kif hi damet 10 snin taħsibha jekk iġġibx kelb gwida jew le. Qalet iżda li wara li applikat biex iġġib l-ewwel kelb gwida tagħha, ma reġgħetx ħarset lura. Spjegat li Dora, tgħinha sabiex tikseb ftit indipendenza mid-diżabilità tagħha. Spjegat li sabiex iltaqgħet ma’ Newsbook.com.mt fil-Ġnien tal-Istazzjon f’Birkirkara hi mxieta flimkien mal-kelba tagħha.

Hi spjegat kif meta persuna nieqsa mid-dawl tagħmel użu mill-bastun l-abjad, ix-xogħol kollu jkun irid isir mill-persuna stess. Meta jkollha kelb gwida, persuna nieqsa mid-dawl tkun tista’ taqsam il-piż ta’ vjaġġ fit-triq waħedha bejnha u bejn il-kelb. Spjegat li fit-toroq issib ħafna ostakli bħal boroż tal-iskart, karozzi u muturi pparkjati fuq bankini. B’hekk hi tidderieġi lill-kelba f’liema direzzjoni għandha tmur u l-kelba tgħinha tevita l-ostakli u l-perikli fit-toroq. Irrimarkat li llum il-ġurnata l-kelba saret parti minnha.

“Meta tkun id-dar Dora tkun ħielsa”

Christine spjegat kif hawn forsi jaħseb li kelb gwida jitrabba bħal qisu magna. Sostniet iżda li meta tkun id-dar, il-kelba tkun ħielsa biex tagħmel l-affarjiet tagħha, bħal tilgħab u tixrob. Id-dar il-kelba tkun mingħajr il-harness tagħha. Minkejja dan, Dora tant tħobb lil sidha li xorta waħda tibqa’ mqabbda magħha.

Christine tkellmet ukoll fuq il-proċess li wieħed jgħaddi minnu meta japplika biex ikollu kelb gwida. Qalet li fil-fażi tal-bidu, wara li wieħed jissottometti l-applikazzjoni, espert iżur id-dar tal-persuna fejn jistaqsi dwar il-ħajja tal-persuna u anke l-mobbiltà ta’ dak li jkun. Spejgat li sfortunatament, kelb gwida mhux tajjeb għal kulħadd. Wara jkun hemm fażi ma’ persuna li tħarreġ lil dik nieqsa mis-smigħ biex torjenta ruħha bl-użu tal-bastun l-abjad. Wara jkun hemm dik li jgħidulha l-matching stage, fejn isibu kelb li jaqbel mal-persuna. Wara din il-parti jkun hemm taħriġ ta’ kif wieħed jista’ jimxi bl-użu tal-kelb gwida.

“Jekk tara kelb gwida tmissux qabel titlob permess”

Christine appellat sabiex jekk il-pubbliku jara persuna għaddejja fit-triq b’kelb gwida, ma jaqbadx u jmiss il-kelb iżda dejjem jistaqsi għal permess qabel ma jagħmel dan. Spjegat li l-pubbliku għandu jżomm f’moħħu li dan il-kelb qed imexxi lill-persuna li ma tkunx qed tara u jekk il-kelb jitwaqqaf, il-persuna li qed tiġi ggwidata se titgerfex. Sostniet li persuna għamja mhux se tara li persuna oħra waqfet tkellem il-kelb.

Hi kompliet tgħid li persuni neqsin mis-smigħ għandhom ħajja bħal kulħadd, bil-familji u x-xogħol tagħhom. Qalet li minkejja li tħobb titkellem man-nies, mhux dejjem ikollha ċans tieqaf u jkollha diskursata ma’ stranġier fit-triq.

Christine miżżewġa u għandha tewmin

Christine għandha 40 sena, hi miżżewġa lil Stanley, u flimkien għandhom tewmin li llum għandhom 20 sena. Qabel Dora, hi kellha kelba gwida oħra, li kien jisimha Winnie. Illum il-ġurnata Winnie hija kelba rtirata, iżda għadha tgħix mal-familja.

Christine taħdem bħala Disability Quality Trainer mal-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità. Permezz ta’ dan ix-xogħol hi tħarreġ persuni kemm fis-settur pubbliku, kif ukoll fil-privat dwar x’għandhom jagħmlu biex ikunu iktar inklussivi fuq il-post tax-xogħol fejn jidħlu persuni b’diżabilità.

Christine mhux minn dejjem kienet nieqsa mid-dawl

Christine spjegat kif meta kellha sena u nofs kien ħarġilha d-dijabete. Dan wassal sabiex ikollha kumplikazzjonijiet fit-tqala tagħha malli għalqet 20 sena. Il-kumplikazzjonijiet affettwaw għajnejha. Spjegat li wara li kellha t-tfal għamlet xi żmien issiefer biex tgħaddi minn diversi operazzjonijiet bil-għan li ssalva parti mill-vista tagħha. Illum il-ġurnata hi għandha 20% tad-dawl f’għajnejha.

Spjegat li ż-żmien li tilfet id-dawl kien straġi għal ħajjitha. Qalet li filli kienet indipendenti, filli f’daqqa waħda għandha żewġt itrabi u tilfet id-dawl t’għajnejha. Spjegat li kellha tadatta għaċ-ċirkustanzi u bdiet titgħallem tħoss biex tbiddel il-ħarġa u tara jekk it-trabi kellhomx xi nappy rash. Minkejja dan spjegat li kemm ir-raġel tagħha kif ukoll il-familja tagħha kienu jgħinuha ta’ kuljum.

Xi tħoss Christine meta tiġi trattata differenti minn ħaddieħor?

Christine qalet li kienet tirrabja ħafna meta kienet tiġi trattata differenti fil-passat. Qalet li kienet issib lilha nnifisha tirrabja u tiġġieled ma’ dak li jkun. Qalet li llum tgħallmet mod ieħor u minflok tipprova tispjega lill-persuna fejn sejjer ħażin. Spjegat, per eżempju, li mhux l-ewwel darba li ma titħalliex tidħol x’imkien minħabba li magħha għandha kelb gwida. Qalet li hi tispjega l-liġi u ħafna drabi tasal.

Magħżula għall-proġett fotografiku tas-CRPD

Christine hija waħda mill-persuni li pparteċipaw fi proġett fotografiku tal-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (CRPD) bl-isem ta’ Different is Normal. Is-CRPD kkummissjonat serje ta’ 12-il ritratt ta’ dawn il-persuni li għandhom diżabilitajiet differenti fosthom spina bifida, problemi bis-smigħ u l-vista tal-għajnejn, ADHD, awtiżmu u down syndrome. Huma qed jagħmlu numru ta’ attivitajiet differenti, bħat-teatru, żfin, logħob, bowling, għawn, fost oħrajn. Ir-ritratti ttieħdu mill-fotografu Darren Zammit Lupi u flimkien jirrappreżentaw l-aspirazzjonijiet ta’ dawn il-persuni.

Mistqosija xi jfissru għaliha l-kliem “Different is Normal”, Christine qalet li li hi temmen li kull individwu huwa differenti, kemm jekk għandu diżabilità u kemm jekk le. Spjegat li fl-aħħar mill-aħħar, hi mara tad-dar, omm, u taħdem. Tħallas it-taxxa u l-bolla bħal ħaddieħor. Qalet iżda li tagħmel l-affarijiet forsi xi ftit differenti minn oħrajn. Qalet fejn forsi persuna li għandha d-dawl f’għajnejha tikteb e-mail billi tħares lejn l-iscreen, hi tisma’ dak li qed tikteb permezz ta’ earphone. Qalet li fl-aħħar mill-aħħar l-email tintbagħat, tasal u tinqara bl-istess mod.

Din l-intervista saret fil-ġimgħat ta’ qabel ma’ tfaċċa l-coronavirus fil-pajjiż.

Filmat: Miguela Xuereb