Filmat: Jagħtu 22,000 maskra lid-djar tal-anzjani u l-persuni b’diżabilità

Il-kumpanija Norwex u l-kumpanija Corinthia Group taw bejniethom total ta’ 22,000 maskra protettiva bla ħlas lid-djar tal-anzjani u tal-persuni b’diżabilità. Dan ħabbru llum is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva u l-Persuni b’Diżabilità Silvio Parnis wara li ġie ppreżentat b’dawn il-maskri minn dawn iż-żewġ kumpaniji.

Is-Segretarju Parlamentari Silvio Parnis faħħar lil dawn iż-żewġ kumpaniji ta’ dan il-ġest sabiħ li qed jagħmlu f’dan il-perjodu tant iebes għalina lkoll. Is-Segretarju Parlamentari qal li, “dan huwa ż-żmien ta’ prova għalina lkoll. Issa huwa l-mument li lkoll kemm aħna nagħmlu l-parti tagħna u nuru kemm verament għandna qalb li taf tħobb u tgħin.” Is-segretarju parlamentari qal li dan il-ġest se jkompli jgħin sabiex inkomplu nipproteġu lill-persuni vulnerabbli u lill-ħaddiema li jinsabu f’dawn ir-residenzi. Din l-inizjattiva flimkien mal-miżuri li qed jieħu l-Gvern qed iwasslu sabiex ikollna r-riżultati li għandna llum. Silvio Parnis għalaq billi rringrazzja lil dawn iż-żewġ kumpaniji u lil dawk kollha li jaħdmu fis-setturi tal-anzjani u tal-persuni b’diżabilità tal-ħidma eċċezzjonali li qed jagħmlu.

MFCS_PS

Id-Direttur Maniġerjali ta’ Norwex Malta, Joseph Vella, spjega kif li trodd lura u tieħu ħsieb lill-komunità huma parti integrali tal-valuri li n-‘Norwex Family’ temmen fihom. Is-Sur Vella qal ukoll li din id-donazzjoni ta’ 20,000 maskra hija parti mill-inizjattiva ‘A Million Masks. A Million Thank Yous’, fejn il-grupp Norwex qassam miljun maskra protettiva madwar id-dinja.

Iċ-Chairman ta’ Corinthia Group, Alfred Pisani qal li Corinthia Group hija mibnija fuq il-prinċipji ta’ familja u għajnuna lil ħaddieħor. Din l-inizjattiva li fiha qed jingħataw maskri ta’ kwalità għolja tat-tip N95 għalhekk hija konformi ma’ dawn il-prinċipji. Is-Sur Pisani kompla jgħid li bħala kumpanija se jkomplu jagħtu kull għajnuna li jistgħu lis-soċjetà, b’mod speċjali f’dan il-mument ta’ bżonn.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn