Filmat: “Domt 4 xhur biex mort Sant’Anton” – Il-President

Il-President George Vella qal li dam erba’ xhur biex mar joqgħod il-Palazz Sant’Anton f’Ħ’Attard.

Il-pjan oriġinali tal-President u martu Miriam Vella kien li jibqgħu joqogħdu f’darhom iż-Żejtun, u li jużaw il-Palazz f’każ ta’ bżonn, iżda dan ma kienx vijabbli, peress li l-President kellu jċaqlaq kollox mill-Belt għal Sant’Anton minħabba li kien għaddej ir-restawr fil-Palazz tal-President fil-Belt Valletta.

Waqt intervista li saret lill-President u martu fuq 103 Malta’s Heart minn Fr Joe Borg u Sylvana Debono, il-President tkellem b’għożża fuq id-dar tiegħu fiż-Żejtun. Qal li għandu dar kbira bi ġnien li l-hena tiegħu meta jkun ftit kwiet, jinżel u joqgħod jgħaddi l-ħin fih. Stqarr li l-ħajja fil-Palazz fiha daqsxejn tas-solitudni, u xi drabi jgħid “kemm nixtieq qiegħed id-dar.”

Qal li ma jistgħux jilqgħu n-nies kif kienu jagħmlu f’darhom iż-Żejtun. Il-President qal li f’darhom imdorrijin bin-nies deħlin u ħerġin, daqqa ħbieb u daqqa ġirien. Issa għandu iżjed privatezza.

L-impjegati tal-Palazz ta’ Sant’Anton iddeskriviehom bħala “taz-zokkor” peress li dejjem jaraw kif jistgħu jaqdu lill-President u martu mill-aħjar li jistgħu. Is-Sinjura Miriam Vella qalet li hemm differenza kbira bejn id-dar u l-Palazz, u semmiet pereżempju l-kwistjoni tal-ikel. Qalu li huma mdorrijin jieklu ikla waħda kbira fil-ġurnata, iżda l-impjegati tal-Palazz ikunu lesti jippreparawlhom xi tliet ikliet f’jum.

Ara l-intervista sħiħa hawn
Intervista mal-President u s-Sinjura Vella