Filmat: “Domna 6 sigħat maqbudin f’ristorant fi Strasburgu”

Il-Membru Parlamentari Ewropew Miriam Dalli qalet li fil-mument li seħħew l-isparaturi fis-suq tal-Milied fi Strasburgu, hi kienet f’ristorant fiċ-ċentru flimkien mal-assistenta tagħha. Fil-programm Follow-Up fuq RTK, Miriam Dalli tgħid li damu 6 sigħat maqbudin f’dan ir-ristorant sakemm tħallew imorru lura lejn il-lukanda fejn kienu qed joqogħdu.

Dalli qalet li ħadd ma kien qed jistenna li jkun hemm attakk bħal dan fis-suq tal-Milied u spjegat li lbieraħ kienet l-unika ġurnata li kellha ħin iżżur dan is-suq għax fil-ġurnata ta’ qabel damet sal-4.30 ta’ filgħodu b’laqgħat fil-bini tal-Parlament Ewropew.

Hija tispjega kif ftit qabel it-tmienja daħlu ġo ristorant fiċ-ċentru u ftit wara raw in-nies jiġru f’kommossjoni u kien hemmhekk li ndunaw li ġara xi ħaġa.

“Fir-ristorant, daħlu s-suldati jfittxu”

X’ħin pruvaw joħorġu mir-ristorant huma twaqqfu u daħlu lura. Fl-intervista, Dalli tiddeskrivi li l-ambjent fiċ-ċentru ta’ Strasburgu kien taħt tensjoni kbira bir-ristorant fejn kienu jingħalaq għal kollox u anki jniżżel ix-xatba.

Dalli tispjega kif matul it-tfittxija għall-aggressur, daħlu xi suldati armati jfittxu anki fir-ristorant li kienu huma

L-intervista sħiħa xxandret fil-programm Follow-Up fuq RTK.