Filmat: Dniefel jaqbżu qrib il-Port tal-Imġarr

Filmat li qed idur fuq il-midja soċjali qed juri żewġ dniefel għaddejjin qrib il-Port tal-Imġarr f’Għawdex.

Din mhux l-ewwel darba li dehru annimali marittimi ta’ din ix-xorta qrib ix-xtut ta’ Malta, għaliex fil-ġimgħat li għaddew intlemħu wkoll qrib San Pawl il-Baħar, il-Port ta’ Marsamxett, u x-xatt tal-Qawra.

Ma’ Newsbook.com.mt, il-Prof. Alan Deidun qal li mhijiex ħaġa ta’ barra minn hawn li jintlemħu speċi bħal dawn qrib Malta, għaliex huma komuni fl-ibħra Mediterranji.

Prof. Deidun elenka żewġ raġunijiet potenzjali: il-klima u l-konservazzjoni.

Aktar ma jmur, il-klima aktar qiegħda tisħon. B’konsegwenza t’hekk, jisħon il-baħar u l-ħut li jikkaċċja d-denfil, inkluż il-lampuki, jiċċaqlaq miegħu.

Minħabba li llum hawn aktar liġijiet li jħarsu l-protezzjoni ta’ speċi bħal dawn, il-popolazzjoni tagħhom żdiedet, u għalhekk, aktar hemm ċans li jitfaċċaw fl-ibħra tagħna, waqt li jonqsu fi bnadi oħra.

Prof. Deidun innota li din ma kinitx l-ewwel darba li speċi rari jitfaċċa fl-ibħra Maltin, u semma drabi passati meta dehru klieb il-baħar u l-ħuta Mola Mola, fost l-oħrajn.