Filmat: DLS Productions bi produzzjoni friska

Friski wara tliet produzzjonijiet oriġinali eċċezzjonali – Carmen – The Rock Musical, A War To End All Wars? u Belliegħa – Rockin’ The Underworld- DLS Productions huma lesti għall-proġett li jmiss. Din is-sena, se jkunu qegħdin jiddedikaw ir-riżorsi u l-enerġija tagħhom fil-produzzjoni “Laugh? I Nearly Went To Miami!”, kummiedja ferrieħa ta’ Miles Tredinnick.
Taħt id- direzzjoni ta’ Lucienne Camilleri, bl-assistenza ta’ Maria Agius, din ser tittella’ fl-20 u fil-21 ta’ Ottubru f’ Teatru Salesjani, f’Tas-Sliema.
Kummiedja ta’ konfużjoni u ġenn. Tom (James Camilleri), fanatiku ta’ Elvis Presley, flimkien mal-għarusa tiegħu, Alice (Nicole Piscopo) ma jistgħux imorru Elvis Convention f’Miami, minħabba ċ-ċpar li jaqa’ dakinhar.
Meta jmorru lura fl-appartament ta’ Tom, jindunaw li ġabru bagalja b’oħra meta kienu l-ajruport u li spiċċaw b’waħda li fiha $500,000.
Fl-appartament isibu lil ħu Tom, Barney (Neil Grech), ġuvni li jfittex il-pjaċir mingħajr irbit, flimkien mat-tfajla gustuża Muriel (Nicola Mangion), li hu jistieden għandu, bi skop li tqatta’ l-lejl miegħu.
Il-konfużjoni tiżdied meta z-Zija ta’ Alice (Laura Cornelius) tasal b’basket b’$20,000 ġo fih, kif ukoll il-karattru ta’ Frankie (Thomas Grixti), gangster li jaħdem ma’ sid il-bagalja mimlija flus, u kollox irid jiġi solvut bis-saħħa tal-Ispettur Hendy (Kyle Mangani).
Din il-produzzjoni hi ideali għal kull tip ta’ udjenza u hi ppjanata li tkun lejl divertenti, bil-produzzjoni mistennija timpressjona bl-umoriżmu u bl-az- zjoni mgħaġġla tagħha. Il-biljetti jistgħu jinxtraw minn www.ticketline.com.mt jew fuq 79848788. Il-biljetti jiswew €12 u €15.