Filmat: Diskussi l-isfidi tas-settur marittimu minħabba l-coronavirus

Il-Ministru għat-Trasport Ian Borg u ċ-Chairman Joseph Bugeja, flimkien mar-rappreżentanti għall-Awtorità tat-Trasport, iltaqgħu mar-rappreżentanti tal-Forum Marittimu Malti, biex jiddiskutu l-industrija marittima fid-dawl taż-żmien li għaddejja minnu d-dinja.

Dan ingħad fi stqarrija ministerjali, wara li madwar għaxart ijiem ilu, il-Forum esprima t-tħassib tiegħu dwar l-għajxien ta’ madwar 11,500 ħaddiem.

L-MMF kien wera dispjaċir għall-fatt li l-Gvern Malti ma apprezzax il-prudenza li hu wera. Il-Forum kellu laqgħa mal-Prim Ministru Robert Abela fis-7 ta’ April, li waqtha, ippropona li jinqasam il-piż minħabba ċ-ċirkostanzi tal-pandemija tal-coronavirus. Ippropona li min iħaddem iġorr 60% tal-piż, il-Gvern 30% u l-impjegati 10% b’garanzija li l-impjieg tagħhom jitkompla minkejja s-sitwazzjoni diffiċli. Minkejja dan, tliet ġimgħat wara, kien għadu ma sema’ xejn mingħand il-Gvern.

F’din il-laqgħa, il-Ministru Ian Borg esprima s-solidarjetà tiegħu mal-isfidi li dan is-settur qed jaffaċċja u saħaq li l-Gvern qed jagħmel l-almu tiegħu biex jieħu deċiżjonijiet importanti minħabba l-isfidi li l-industrija qed tiltaqa’ magħhom.

“Bħala ministru responsabbli mis-settur marittimu fost setturi oħra, nagħraf li dan is-settur hu essenzjali għal pajjiżna, mhux biss bħala pilastru tal-ekonomija imma anke għax iwassal fi djarna u fin-negozji tagħna l-maġġoranza tan-neċessitajiet, saħansitra anke l-ikel u l-mediċini. Ninsabu f’mument diffiċli u dan jgħodd għall-industrija marittima wkoll. Il-Gvern kommess li jkompli jitkellem mal-industrija kif dejjem għamel sabiex narawha terġa’ timxi ‘l quddiem,” qal il-Ministru Ian Borg.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia wkoll kien wera t-tħassib tiegħu fuq il-qagħda tas-settur marittimu wara laqgħa li kellu mal-Forum. Huwa appella li l-Gvern jirrikonoxxi l-isfidi tas-settur fil-preżent.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn