Filmat: Diska ġdida ta’ George Michael f’film tal-Milied

Meta f’Novembru li ġej jibda jintwera l-film Last Christmas se nkunu nistgħu nisimgħu diska ġdida ta’ George Michael li kienet fuq l-album li l-kantant kien qed iħejji meta miet fil-ġurnata tal-Milied fl-2016.

Il-protagonisti tal-film huma Emilia Clarke, Henry Golding u Emma Thompson. Id-direttur Paul Feig qal li waħda mit-tracks fil-film se tkun diska li minħabba fiha kien iħossu tassew eċċitat li se jkun permezz tal-film tiegħu  li tinstema’ għall-ewwel darba.

Il-film Last Christmas hu bbażat fuq kantanta li qed tfittex is-suċċess li l-eroj tagħha hu George Michael. Waqt il-film il-mużika tal-kantant timxi pass pass magħha.

Feig spjega li d-diska l-ġdida hi waħda elaborata ħafna li tinstema’ sħiħa matul il-film u tieħu madwar sitt minuti.

“Meta jkollok f’idejk diska ta’ kantant ċelebri bħal George Michael li qatt ma tkun instemgħet qabel,” tenna d-direttur, “ikun dnub li tuża biss xi 15-il sekonda minnha. Id-diska tibda tinstema’ fit-tmiem tal-film u tibqa’ sejra matul il-credits.”

Kompla jispjega li Last Christmas mhux musical imma hemm partijiet minnu fejn l-atturi jintegraw irwieħhom mal-kanzunetti ta’ George Michael.

“Taħlita tajba fejn naraw li l-film la jispiċċa qisu jukebox jew inkella xi musical,” temm jgħid Feig.