Filmat: “Diska dwar l-embrijun mhix l-aħjar mod kif tindirizza suġġett sensittiv” – Ġinekologa

[youtube https://www.youtube.com/watch?v=xt3coAwv0xc]

Kanzunetta li tqajjem kuxjenza dwar l-embrijuni ffriżati u li jispiċċaw abbandunati u xi kultant minsija, qajmet diskussjoni sħiħa fost dawk il-gruppi li jaqblu u oħrajn li ma jaqblux mal-iffriżar tal-embrijuni.
Newsbook.com.mt tkellem mal-ġinekologa Astrid Camilleri, li filwaqt li spjegat li tifhem il-kunċett tad-diska saħqet li kanzunetta mhux l-aħjar mod kif wieħed jitkellem fuq suġġett daqstant sensittiv.
Il-Malta Infertility Network qalet li l-kanzunetta twassal stampa fittizja u “estremista” u turi nuqqas ta’ sensittività lejn dawk il-koppji li ma jistax ikollhom tfal b’mod naturali.
Fi stqarrija, saħqet ukoll li l-kanzunetta tpinġi lil dawn il-koppji bħala nies bla qalb u li ma jimpurtahomx mill-ħajja.
Astrid Camilleri tkellmet fuq l-importanza li wieħed jissimpatizza u jagħti s-sapport kollu meħtieġ lil dawk il-koppji li ma jistax ikollhom tfal, imma saħqet li wieħed ma jistax jinsa li meta bajda tal-mara tkun iffertilizzata jinħoloq il-potenzjal tal-ħajja.
Spjegat li hu minnu li l-bajda iffertilizzata mhux dejjem tasal biex issir fetu, iżda saħqet li ladarba wieħed ikun ħoloq din il-possibilità barra mill-ġuf, għandu joffrilha l-aħjar mezz biex tiżviluppa f’persuna.
Kien hawn li qalet li ħafna drabi, embrijuni ffriżati jispiċċaw abbandunati minħabba diversi raġunijiet. Fost dawn semmiet koppji li jirnexxielhom tentattiv tal-IVF u għalhekk ma jkollhomx bżonn l-embrijuni l-oħra.
“Oħrajn ma jibqgħux flimkien u tkun il-kwistjoni etika u morali ta’ min ikunu l-embrijuni iffriżati”, kompliet tgħid.
Dr Astrid Camilleri tkellmet dwar mezzi alternattivi li wieħed jista’ joffri lil dawn il-koppji u li ħafna drabi qed ikollhom suċċess aktar mill-użu tal-embrijuni iffriżati.
Fost dawn semmiet il-proċedura ġdida fejn tkun il-bajda tal-mara (mhux iffertilizzata) li tiġi ppriservata (mhux iffriżata).
Iddeskriviet dan bħala metodu siewi ħafna u li jneħħi għal kollox problemi etiċi u legali.
Newsbook.com.mt tkellem ukoll ma’ George Cassar, l-awtur tad-diska Iffriżajt u spjega li hu ma għandux problema bil-proċedura tal-IVF iżda ried iqajjem kuxjenza li bil-proċess innifsu qed jinħoloq potenzjal ta’ ħajja u għalhekk l-embrijun ma għandu qatt ikun imwarrab, minsi jew iffriżat sempliċiment għall-istudju. Cassar saħaq li l-embrijun għandu jingħata ċ-ċans għall-ħajja.
Il-filmat tal-kanzunetta Iffriżajt reġa’ tpoġġa fuq YouTube llum, wara li tneħħa għal madwar jumejn.