Filmat: Diska b’nostalġija għall-grupp magħruf The Tramps

Għalkemm magħrufin ferm għad-diski tagħhom ix-Xemx u Inti Djamant, il-grupp The Tramps u Dominic Grech kellhom repertorju ġmielu ta’ diski li bihom ferrħu udjenzi matul is-snin sebgħin u tmenin.
Fost dawn id-diski oriġinali, hemm sensiela ta’ kompożizzjonijiet għal żmien il-Milied. Il-Festa tal-Milied hi waħda minnhom, u f’dan iż-żmien festiv, reġgħet ingħatat il-ħajja b’interpretazzjoni mill-banda DCapitals.
“Kelli x-xorti naħdem ma’ DCapitals għall-ewwel darba fil-kunċert annwali tagħhom li jsir fiċ-Ċittadella. Meta rajt id-dedikazzjoni u l-passjoni li għandhom, mill-ewwel bdejt inberren ġo moħħi kif nistgħu nikkollaboraw” jgħid Richard Grech, mużiċist, iben Dominic Grech.
Il-banda DCapitals, mwaqqfa fl-2014, hija banda versatili magħmula minn mużiċisti Għawdxin, taħt id-direzzjoni tad-direttur mużikali George Apap. DCapitals saret sinonima mal-kalendarju kulturali Għawdxi, b’kunċerti diversi b’mużika pop, rock, jazz u swing.
“Meta kien għadu magħna, ftit kont napprezza il-kapacita’ ta’ missieri bħala kompożitur u awtur,” jistqarr Richard. “Illum li ħalliena, niftakar b’nostalġija mumenti minn tfuliti meta kont indoqq ma’ missieri u The Tramps fuq trakk madwar it-toroq tar-Rabat. Għalina, din l-attivita’ kienet sinonima mal-Milied. Il-Festa tal-Milied hija waħda minn dawk id-diski li kienet tgħati tant ħajja lit-toroq tar-Rabat fi żmien il-festi. Li nerġgħu nirrekordjaw dawn id-diski huwa tribute f’waqtu għat-talent u l-arti tal-grupp The Tramps; flimkien ma DCapitals irnexxielna nerġgħu ngħatu ħajja lil din il-kompozizzjoni Għawdxija.”
Richard qal li d-diska bdiet tiġi rrekordjata f’Ottubru u Novembru fuq arranġament ta’ Joseph Debrincat.
Semma’ wkoll kif dan il-filmat u d-diska se iġibu memorji sbieħ, tbissima, u ferħ li jġib Ġesu’ Bambin fil-Milied.