Filmat: Discos, BBQs, nar bla permess u alkoħol fil-ħabs

Read in English.

Newsbook.com.mt huwa infurmat li f’dawn l-aħħar ġimgħat fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin saru BBQs,  discos li damu sas-sigħat bikrin ta’ filgħodu, u ġie servut xorb alkoħoliku, fi kwantitajiet mhux żgħar. Waqt il-BBQs ġie sparat nar mingħajr il-permess tal-Pulizija jew polza tal-assigurazzjoni. Uffiċjali li kienu preżenti wissew biex ma jitteħdux filmati jew ritratti u ma ħallewx li jiddaħħlu mobiles fejn saru d-discos. L-attivitajiet saru għall-impjegati tal-ħabs.

Mir-risposti li ngħatajna mill-Ministeru għall-Intern jidher li l-Ministeru jew mhux infurmat jew irid jaħbi dak li ġara.

Il-Ministeru sieket dwar discos

Newsbook.com.mt huwa infurmat li fi ġranet varji fl-istores tal-ħabs saru discos li għalihom kien mistieden DJ minn barra l-ħabs. Dawn id-discos ġieli damu sa kmieni ħafna filgħodu. Kien servut alkoħol bla limitu tant li kien hemm ukoll uffiċjali fis-sakra waqt dawn id-discos.

Is-sors tagħna fakkar mhux biss li dan huwa kontra r-regolamenti tal-ħabs iżda wkoll li wieħed irid iqis li dawk li kienu d-disco mbagħad riedu jkunu xogħol fis-7am.

Uffiċjal ordna li ma jiddaħħlux mobiles biex ħadd ma jieħu ritratti jew filmati.

Fir-risposta tiegħu l-Ministeru ma qal xejn dwar dawn id-discos.

In-nar kellu bżonn permess

Newsbook.com.mt huwa infurmat li Shift B għamel BBQ il-Ġimgħa 22 ta’ Mejju waqt li Shift A għamel BBQ fid-29 ta’ Mejju. Il-BBQs saru fil-bitħa tal-ħabs. Waqt dawn il-BBQs kien servut l-alkoħol. Kien hemm mill-anqas żewġ tipi ta’ whiskey, tip wieħed ta’ Vodka, birra lokali u anke punch alkoħoliku. Newsbook.com.mt għandu l-ismijiet tal-brands li ġew servuti. Inħaraq ukoll nar li għalih kien hemm bżonn permess iżda li l-ebda permess ma ngħata. 

Il-Ministeru kkonferma li saru dawn il-BBQs. Fir-risposta tiegħu l-Ministeru qal li għal dawn l-aħħar disa’ ġimgħat, l-uffiċjali korrettivi kienu qed jaħdmu shift ta’ ġimgħa sħiħa u kienu qed jgħixu fil-Faċilità Korrettiva. Minħabba f’dan, skont it-tweġiba tal-Ministeru, it-tmexxija tal-faċilità organizzat BBQ fi tmiem il-ġimgħa biex “l-uffiċjali jkollhom ftit ħin ta’ mistrieħ wara ġimgħa xogħol ta’ kważi 24 siegħa kuljum”. Il-Ministeru qal li waqt dawn il-BBQs kull uffiċjal kien intitolat għal drink alkoħoliku wieħed.

Is-sors tagħna kkonferma li għall-kuntrarju ta’ dak li qal il-Ministeru kien servut aktar minn drink wieħed.

Il-Ministeru qal lil Newsbook.com.mt illi “f’żewġ okkażjonijiet sar ħruq ta’ ‘flares’ li għalihom ma jinħtieġu ebda permessi jew polza tal-assigurazzjoni.” Madanakollu l-filmat li qed inxandru juri li għat-tip ta’ nar li nħaraq kien hemm bżonn permess.

Skont is-sorsi ta’ Newsbook.com.mt fil-BBQ tat-22 ta’ Mejju inħaraq ċikċifogu (nar tal-art).  Fil-BBQ tad-29 ta’ Mejju nħarqu tliet kaxxi ta’ “nar taċ-Ċiniżi.” Dan in-nar deher sewwa minn barra mill-ħabs tant li saru kummenti fuqu fuq il-paġna ta’ Facebook ta’ grupp ta’ residenti minn Raħal Ġdid.

Newsbook.com.mt wera l-filmat lil espert tan-nar li kkonferma li, għal kuntrarju ta’ dak li qal il-Ministeru, għal dak it-tip ta’ nar għandek bżonn kemm permess u anke polza tal-assigurazzjoni.