Filmat: “Id-dritt tal-privatezza għandu jiġi protett mill-Kostituzzjoni” – Dr Gege Gatt

Dr Gege Gatt, il-Kap Eżekuttiv tal-kumpanija EBO fil-qasam tal-intelliġenza artifiċjali, jispjega li d-dritt għall-privatezza huwa sagrosant u li d-dritt għall-aċċess tal-internet u d-drittijiet li jġib miegħu, għandhom ikunu protetti mill-Kostituzzjoni.

Din kienet l-ewwel minn sensiela ta’ twissijiet dwar il-proġett tal-facial recognition li qed jiġi propost mill-Gvern, bħala parti mill-ħidma ta’ kontroll kontra l-kriminalità f’postijiet partikolari.

Waqt il-programm Follow Up ippreżentat minn Fr Joe Borg fuq RTK 103FM, Dr Gatt esprima t-tama li l-Gvern ma jintroduċix din is-sistema ta’ sorveljanza mingħajr qafas legali u etiku.  Stqarr li l-proposta kif ippreżentata mill-Gvern u li għaliha għamel referenza fid-diskors tiegħu tal-Baġit, il-Prim Ministru Joseph Muscat, tikser il-Regolamentazzjoni Ġenerali tal-Protezzjoni tad-Data (GDPR). Fisser kif taħt dawn ir-regolamenti jrid jingħata kunsens mill-persuni li jiġu jidhru fil-viżwal.

“Il-proġett propost jinvadi l-privatezza mhux biss tal-kriminali imma ta’ dawk kollha li jittieħed immaġini tagħhom”, saħaq Dr Gatt, filwaqt li insista li għandu jkun hemm konsultazzjoni wiesgħa.

l-liġi tas-sorveljanza pubblika kif proposta mill-Gvern hija ostaklu għall-ħarsien tal-privatezza tal-persuna. Jisħaq li t-teknoloġija għandha tinħoloq għas-servizz tal-bniedem iżda jgħid li din il-magna ta’ sorveljanza ġiet programmata biex tkun għas-servizz tal-Istat. Isemmi l-każ taċ-Ċina fejn din l-informazzjoni qed tintuża biex persuni jiġu mxandra pubblikament dwar dak li jkunu għamlu.

Għamel referenza għall-pożizzjoni tal-Assoċjazzjoni dwar il-Liġi tal-IT f’Malta (MITLA) li għamlitha ċara li hemm bżonn liġijiet speċifiċi għall-proġett ta’ skala daqstant kbira. Ikkwota studju li sar fir-Renju Unit, li juri li f’90% tal-każi l-isem u l-wiċċ ma qablux u persuna tiġi mfixkla ma’ kriminal bla ħtija. Fisser li dan jista’ jkollu konsegwenzi kbar pereżempju bl-applikazzjonijiet għax-xogħol u anke li persuna ma tiġix koperta minn polza tal-assigurazzjoni għax fil-kamera dejjem jidher ipejjep.

“Irridu noħolqu dibattitu pubbliku biex naraw x’livell ta’ sorveljanza huwa aċċettabbli, imbagħad naraw x’inhuma l-aqwa prattiċi fl-Ewropa u finalment inqabblu dawn biex noħolqu qafas legali u etiku f’saħħtu”, stqarr Dr Gatt.

Futur għal Terminator jew Sophia?

Gatt qal li r-robots qishom biss karikatura tal-Intelliġenza Artifiċjali (AI) għax l-AI hija ferm aktar minn hekk.  Żied jgħid li bħalissa, id-dinja tinsab fit-tieni l-aktar fażi li qed tagħti importanza lil AI fejn kompjuters kapaċi jagħrfu l-lingwa. Dan jgħin lill-ħaddiema billi ‘jiffrankalhom ix-xogħol’ u jkunu jistgħu jiffukkaw fuq ħidma aktar kreattiva.

Wieħed mis-setturi li Gatt u l-kumpanija tiegħu EBO huma attivi ferm huwa dak tas-saħħa. Iddeskriva kif wieħed mill-proġetti jittratta l-appuntamenti fl-isptarijiet: isib appuntament, jaċċetta kanċellazzjoni, tfakkira lill-klijenti u evalwazzjoni tal-appuntament.

Gege Gatt qal li EBO mhix kumpanija Maltija, imma kumpanija diġitali bbażata f’Malta u li topera fir-Renju Unit u dalwaqt fl-Istati Uniti.