Filmat: “Din għandha ġġib qabża fil-mod kif inħarsu lejn il-politika u l-kontabilità” – Fr Joe Borg

Fl-intervista tal-ġimgħa fuq Newsbook.com.mt, il-ġurnalist Karl Wright jiltaqa’ mal-lecturer, opinjonista u espert fil-media, Fr Joe Borg. Jitkellem miegħu dwar x’jaħseb li jfixkel il-politika Maltija. Fr Joe jgħid li sakemm iċ-ċokon tal-pajjiż ipoġġi lin-nies qrib il-politiċi, il-privatezza tagħhom hi kważi ineżistenti. Dan, kompla, minbarra l-klijenteliżmu u l-ħlas veru baxx li jieħdu l-politiċi eletti, li jwassal biex ma jiddedikawx ħin biżżejjed għall-impenn politiku. Żvantaġġ ieħor qal li jara li hu li l-politiċi m’għandhomx biżżejjed aċċess għal riċerka professjonali u jispiċċaw jiddependu minn għajnuniet volontarji li ma jtellgħux il-livell.
Dwar ir-riżenja ta’ Dr Joe Cassar, Fr Joe Borg jgħid li jinħass qbil li f’dal-każ ma kien hemm xejn kriminali. Iżid li n-nuqqas ta’ qbil huwa sempliċiment jekk sarx ġudizzju żbaljat jew dan il-ġudizzju żbaljat fissirx ukoll ksur tal-kodiċi tal-etika. 
Fr Joe jgħid li jaqbel mal-proposta tal-Oppożizzjoni għat-twaqqif ta’ uffiċċju ta’ Kummissarju għall-Imġieba Xierqa fil-Ħajja Pubblika. Fi kliemu, fil-pajjiż ittieħdu deċiżjonijiet fejn wieħed jissuspetta jekk l-affarijiet ikunux saru bi żball jew inkella biex xi ħadd jaqla’ l-flus. Qal li għalhekk, Kummissarju bi qbil miż-żewġ naħat u li jkun jaġġorna wkoll fejn meħtieġ il-Kodiċi ta’ Etika ta’ persuni li jservu fil-ħajja pubblika, għandu jgħolli l-livelli tal-politika Maltija.
Fr Joe Borg ma jonqosx milli jgħid li kif inhi mistennija mġieba etika mill-politiku, daqstantieħor għandu jkun hemm imġieba etika mill-media.