Filmat: Dimostranti jgħajtu “mafja” fit-toroq tal-Belt

Read in English.

Għexieren ta’ dimostranti nġabru fil-Belt Valletta dalgħodu waqt li hemm għaddejjin iċ-ċerimonji annwali ta’ Jum ir-Repubblika.

Filwaqt li s-suldati kienu għaddejjin bil-marċ tagħhom minn Triq ir-Repubblika, id-dimostranti li nġabru hemm komplew bil-protesta tagħhom kontra l-korruzzjoni u l-Gvern kurrenti. Fost l-għajjat intużat il-kelma “mafja”.

Intant bosta persuni li ppruvaw jaċċessaw kafetteriji li jinsabu viċin Pjazza San Ġorġ hekk kif l-aċċess għal bosta toroq madwar Pjazza San Ġorġ u fl-akwati tal-Qorti jinsab magħluq.

Fost id-dimostranti hemm ukoll il-ġenituri tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia.

Jasal il-President George Vella

Intant, fil-qofol tal-protesta, wasal fil-Belt Valletta l-President George Vella sabiex jingħataw bidu għaċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Jum ir-Repubblika.

Propju għall-ħabta tad-9.30am, il-kontinġenti tal-Forzi Armati ta’ Malta, akkumpanjati mill-Banda, telqu minn ħdejn il-bini tal-Parlament f’Misraħ il-Ħelsien il-Belt Valletta. Minn hemm immarċjaw tul Triq ir-Repubblika sa Pjazza San Ġorġ fejn issir il-Parata.

Fl-10am imbagħad hemm il-parata ċerimonjali mill-Forzi Armati ta’ Malta. Għaliha jattendu l-President ta’ Malta, l-Aġent Prim Ministru Chris Fearne, diversi personalitajiet distinti u mistednin oħra. Wara l-parata, għall-ħabta tal-11am, issir Ċerimonja ta’ Investitura u tal-Għotja ta’ Midalji fis-Sala tal-Gran Kunsill, fil-Palazz tal-Gran Mastru.

Imbagħad, fin-12.30pm, il-President ta’ Malta George Vella jqiegħed kuruna ta’ tifkira fuq il-Monument ta’ Malta Repubblika, il-Marsa.

Aktar tard, fil-5pm, ikun hemm programm ta’ marċi mis-Soċjetà Muzikali La Valette tal-Belt Valletta. Il-marċ jibda minn Misraħ il-Ħelsien u jgħaddi minn Triq ir-Repubblika.

Filmati: Miguela Xuereb