​Filmat: “Diffiċli tgħix 11-il sena bħala bniedem illegali f’Malta”

[youtube https://www.youtube.com/watch?v=tXOH2hKUq0E]

Alrashid Rahma, immigrant mis-Sudan, qal li huwa diffiċli li wieħed jgħix 11-il sena bħala persuna illegali f’Malta.
Waqt intervista parti mill-kampanja This is Home, Rahma stqarr li jixtieq jibda jaħseb dwar xi ħaġa differenti, bħall-futur tiegħu. Madanakollu, qed jispiċċa jaħseb biss dwar il-pożizzjoni li jinsab fiha. Jgħid li mhux faċli taħseb il-ħin kollu dwar l-istess ħaġa għal 11-il sena sħaħ.
Alrashid Rahma spjega li kien ħarab mis-Sudan wara li esperjenza l-vjolenza fil-pajjiż tiegħu. Minn hemm mar lejn il-Libja u mbagħad ġie Malta. Ilu jgħix f’Malta 12-il sena u bħalissa jaħdem fil-kostruzzjoni.
Huwa stqarr li l-Gvern Malti huwa l-Gvern tiegħu u li m’għandu l-ebda Gvern ieħor li huwa tiegħu. Qal li jixtieq id-dritt li jsir persuna legali f’Malta.
Il-Maltin joffruli l-għajnuna – Rahma
Rahma stqarr li meta jkun għaddej fuq xogħlu, diversi nies jippruvaw iqajmu konverżazzjoni miegħu u jippruvaw jitgħallmu aktar dwaru. Żied jgħid li dawn joffru wkoll l-għajnuna tagħhom.
Dwar dawk il-persuni li jħoss li jobogħduh, Alrashid Rahma qal li huwa jipprova jagħmel l-oppost tagħhom u jipprova juri t-tjubija. Qal li b’hekk, forsi xi darba din il-persuna tibda tistaqsi lilha nnifisha, “Jiena għalfejn nobogħdu lil dan?”
Fil-fehma ta’ Rahma, jekk wieħed jilqa’ l-mibegħda bil-mibegħda stess, xejn ma jinbena u kollox jitkisser.
Il-filmat bl-istorja ta’ Rahma huwa wieħed mill-ftit li ġew imtellgħa fuq is-sit ta’ This is Home li tnediet bħala kampanja favur ħajja xierqa u denja għall-immigranti. Il-kampanja qed issir b’kollaborazzjoni bejn il-Fondazzjoni Aditus, JRS Malta u l-Fondazzjoni Integra.
Filmat ieħor jitkellem dwar l-istorja ta’ Stella David u bintha li twieldet Malta fl-2006. Huma għamlu Malta d-dar il-ġdida tagħhom, u t-tnejn li huma jinsabu ferm kuntenti.