Filmat: Di Maio jkompli jattakka lil Malta u l-UE

Id-Deputat Prim Ministru Taljan Luigi Di Maio reġa’ attakka lill-Unjoni Ewropea u lil Malta u qal li l-pajjiż qed jinjora grupp ta’ migranti mil ‘il barra mill-kosta tiegħu. Din hija t-tieni darba li Di Maio akkuża lil Malta li injorat persuni li qed ifittxu l-ażil li ġew salvati minn għaqda Ġermaniża tas-salvataġġ.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, Di Maio ġie mistoqsi dwar kif se tispiċċa din is-sitwazzjoni. Qal li l-Unjoni Ewropea qed idaħħal rasha taħt ir-ramel waqt li Malta qed tinjora dak li hemm għaddejj.

Di Maio qal li l-Italja kienet lesta tieħu 10 persuni li qed ifittxu l-ażil li ġew salvati mill-għaqdiet Ġermaniżi Sea Watch u Sea Eye. Huwa qal li l-ebda tifel jew tifla għandhom jitħallew mal-14-il ġurnata għaliex ħadd ma ried jieħu r-responsabbiltà.

Il-ġimgħa, il-Gvern Malti qal lil Di Maio biex jiċċekkja l-fatti.

“Se ninvestigaw kif ħadmu l-NGOs”

Di Maio, li fil-passat akkuża NGOs li kienu “taxis għall-migranti”, qal li permezz tal-Ministru għat-Trasport Danilo Toninelli, huma se jinvestigaw il-pożizzjoni eżatta fejn saret il-ħidma ta’ salvataġġ mis-Sea Watch 3 u Professor Albrecht Plenck u jekk kinitx waħda regolari jew jekk sarx trasferiment tal-migranti minn traffikanti tal-bnedmin.

L-Arċisqof Charles Scicluna qal li d-49 migrant li bħalissa jinsabu fil-baħar Mediterran qed isofru “inġustizzja kbira”, waqt żjara li għamel fuq il-bastiment Lifeline li għadu maqbud minħabba każ fil-Qorti wara li kien salva 234 immigrant irregolari. 

L-Arċisqof Charles Scicluna, l-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech, u l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi qalu li s-sitwazzjoni tad-49 immigranti li ilhom jiem fil-baħar Mediterran hija waħda ta’ desperazzjoni li tirrikjedi azzjoni. L-Isqfijiet ta’ Malta u Għawdex qalu dan f’ittra li bagħtu lis-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni tal-Konferenzi tal-Isqfijiet tal-Unjoni Ewropea (COMECE).

Kelliema għall-Ministeru għall-Intern qalet ma’ Newsbook.com.mt li l-Gvern ma kellu xejn aktar xi jżid ma’ dak li qal ilbieraħ.