Filmat: Dħaħen u rwejjaħ ħerġin mill-ħabs

Read in English.

Is-Sindku ta’ Raħal Ġdid Dominic Grima ppubblika filmat li juri dħaħen ħerġin mill-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin f’Raħal Ġdid.

Fuq il-mezzi soċjali, Grima saħaq li l-ħabs f’Raħal Ġdid mhuwiex l-inċineratur tal-Marsa. Irrimarka li l-irwejjaħ li ilhom għaddejjin ġranet qed ikunu insapportabbli u inkonvenjent għar-residenti u l-ħaddiema f’Raħal Ġdid. Appella lill-awtoritajiet biex tittieħed azzjoni u jitwaqqaf dan l-inkonvenjent.

Newsbook.com.mt staqsa lill-Ministeru għall-Intern dwar x’qed jikkawża dawn id-dħaħen. Madanakollu sal-pubblikazzjoni tal-artiklu, din il-mistoqsija kienet għadha ma ġietx imwieġba.

Sorsi infurmati qalu ma’ din il-kamra tal-aħbarijiet li fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin qed jinħarqu xi saqqijiet u xi lbies protettiv. Dan bil-għan li jitnaqqas kemm jista’ jkun it-tixrid tal-Covid-19.

Għadd ta’ residenti f’Raħal Ġdid ikkummentaw dwar il-filmat li tella’ u s-Sindku, u qalu li anke bit-twieqi magħluqa r-riħa tidħol ġewwa.