Filmat: Dgħajsa Maltija tinqabad tistad illegalment fl-ibħra Taljani

Read in English.

Il-Gwardjan tal-Kosta Taljana kkonfiska s-sajda ta’ dgħajsa Maltija billi din inqabdet tistad għal-lampuki illegalment fl-ibħra Taljani, qrib Pantellerija.

Fl-istqarrija li għamlet fuq Facebook, il-Guardia Costiera qalet li qabdet id-dgħajsa Maltija madwar 10 mili ‘l bogħod minn Pantellerija, lesta biex titfa’ l-kannizzati biex taqbad il-lampuki.

Billi dan kien qed isir fl-ibħra Taljani mingħajr awtorizzazzjoni, id-dgħajsa ttieħdet fil-gżira Taljana u l-kaptan weħel multa ta’ €4,000 għal sajd illegali, talli ma meliex il-logbook tad-dgħajsa kif suppost, u talli ma identifikax il-kannizzati.

L-awtoritajiet Taljani kkonfiskaw ukoll daqs 600 kilogramma lampuki, tliet kannizzati u xibka ta’ 250 metru. Id-dgħajsa telqet minn Pantellerija lbieraħ filgħaxija. Skont Pantelleria Notizie, il-ħut li nqabad illegalment ingħata lil 50 familja fil-bżonn.